Ivan Bartolo | Jekk nieqfu niktbu, l-korrotti jirbħulna
Kelma lil min hu ġenwin, imma qata’ qalbu mill-politika u mill-politiċi, 'jekk ma mmorrux nivvutaw il-korrotti jirbħu'
Jekk nixtiequ soċjetà ġusta rridu nxammru l-kmiem u nieqfu nagħtu t-titli u l-kuluri lill-bnedmin u ninsew dak li jifridna. Madanakollu ma nistax nagħlaq għajnejja quddiem il-ħażin li għaddej madwari.
X’jimmotiva lill-bniedem jagħmel dan?
Li jsir il-ġid, akkost li xi darba jbati u jweġġa’ b’tgħajjir u insulti minn ħuti Maltin bħali fuq il-mezzi soċjali. Personalment ngħid, faċli ttektek minn fuq mobile jew wara xi laptop. Aktar u aktar jekk tkun qed tuża profil falz. Aktar u aktar jekk xogħlok hu li timmoniterja dak kollu li jingħad fuq il-midja soċjali u tattakka lill-persuna u tagħmel fuqha assassinju tal-karattru.
Bnedmin ta’ rieda tajba, mingħajr ebda biża’, u bla ma jaqtgħu qalbhom jibqgħu “jokorbu” għal soċjetà ġusta. Bnedmin ta’ rieda tajba jibqgħu jaġġornaw il-viżjoni soċjali quddiem l-isfidi soċjali ta’ żmienna. Fost oħrajn it-titjib fil-pagi u kwalità ta’ ħajja aħjar.
F’kull kantuniera tara sinjali ta’ progress bħal bini tal-konkos m’għola s-smewwiet, li se jinbiegħu ukoll bi prezzijiet m’għola s-smewwiet. Madanakollu qatt daqs illum il-bniedem ma’ sab ruħu fi stat ta’ iżolament u f’ nixfa bla tmiem. Baħħ kollettiiv u dan minħabba li l-politika tal-Gvern ma tindirizzax soċjetà ġusta, ma tindirizzax il-Malta solidali li naf jien. U dan kollu huwa riżultat ta’ Gvern magħmul minn bnedmin li taqqlu lilhom infushom bi ktejjen ta’ skandli, tixħim, u kunflitti ta’ interess personali. B’hekk dawn il-bnedmin poġġew dell tqil b’maġġoranza ta’ Maltin diżullużi li vvutaw għall-bidla fil-Gvern, iżda maż-żmien indunaw li ma vvutawx għall-ġid komuni. Biddlu l-uċuħ u l-istorja tas-snin tmenin terġa’ tirrepeti ruħha, din id-darba b’ mod aktar sottili. Sfortunatament qdew l-interess partiġjan u dak individwali u egoistiku , u poġġew f’ ġemb id-dinjita umana. Poġġew f’ġemb l-arma tar-Repubblika ta’ Malta.
Irnexxilhom ipoġġu l-politika u l-politiċi fi kriżi ta’ fiduċja, irnexxilhom jerġgħu jkissru l-armonija soċjali, irnexxilhom jerġgħu jqajmu x-xenarju tas-sinjur igawdi u l-fqir mejjet għall-qatra. Irnexxilhom iżidu fuq l-istudju l-proporzjon ta’ dawk li mhumiex il-bogħod mill-faqar u jkabbru d-disparità bejn l-għonja u l-foqra.
Irnexxilhom ikabbru u dan b’sinjali ċari ta’ diskrimnazzjoni politika u jkabbru l-firda bejn l-istess Maltin u l-armonija ta’ bejniethom għax iħaddnu twemmin differenti. Irnexxilhom jerġgħu iqabbdu ħuġġieġa politika u jinfluwenzaw lin-nies biex jobogħdu. Imma għandhom ir-riħ fil-qiegħa u dak li kien jagħmel programm mimli mibgħeda kuljum fis-snin disgħin, dan l-aħħar beda jagħmlu darba f’ ġimgħa li f’siegħa waħda jpoġġi d-doża u l-mibgħeda għal membri tal-kamp oppost.
U kull ma tara u tmiss minkejja s-sabiħ li jolqot l-għajn, kollox huwa mċappasbil-korruzzjoni, mill-binjiet sat-toroq sbieħ u mill-aktar komdi Ftit huma dawk li jifhmu li l-isfida ambjentali mhijiex biss kwistjoni ta’ policies tajbin u infurzar effettiv.
Il-Partit Nazzjonalista, il-Partit tal-Ġustizzja Soċjali sa minn dejjem xettel il-kultura solidali, dik li nieħdu ħsieb xulxin. Ma nħarsux lejn dawn l-isifidi u l-protagonisti tagħhom bħala jaħasra u msieken, imma naraw x’azzjonijiet iridu jittieħdu, b’għarfien u riżorsa biex nibnu soċjetà ġusta.
Minbarra l-edukazzjoni dwar tqassim ta’ flus. Minbarra l-integrazzjoni ta’ min ħareġ barra mill-komunità (għal xi raġuni jew oħra) u nagħmlu ħilitna kollha sabiex nerġgħu ninkluduh fil-komunità. Minbarra attenzjoni xierqa lil min qed iġarrab xi sitwazzjoni ta’ mard fit-tul, hemm lista ta’ bnedmin li għaddejjin minn sfidi kbar f’ ħajjithom li kif se taraw huma prijorità fuq il-lista ta’ proposti tal-Partit Nazzjonalista.
Jekk nixtiequ soċjetà ġusta rridu nxammru l-kmiem u ma nagħlqux għajnejna quddiem dak kollu li qed jiġri quddiemna. Jekk nixtiequ soċjetà ġusta rridu nitkellmu, avolja xi drabi ma tkunx fin-natura tiegħek li titkellem fuq nuqqasijiet ta’ ħutna Maltin. Jekk nixtiequ l-ġustizzja f’pajjiżna, jeħtieġ li nuru kuraġġ u nqumu bilwieqfu u nsemmgħu l-vuċi tagħna.
Jekk nieqfu niktbu l-korrotti jirbħulna.
Jekk nieqfu nitkellmu l-korrotti jibqgħu għaddejjin.
Jekk naqtgħu qalbna u nuru sens ta’ biża’ l-korrotti jibqgħu ikissru l-pajjiżna.
U fl-aħħarnett, kelma lil min hu ġenwin, imma qata’ qalbu mill-politika u mill-politiċi, “jekk ma mmorrux nivvutaw il-korrotti jirbħu.”