Roberta Metsola | Vot b’saħħtu biex insaħħu id-demokrazija, il-midja ħielsa u l-pluraliżmu
'Il-kriminali li jgħumu fil-flus ma jridux lil min jikxfilhom għawwarhom. Iżda d-dritt fundamentali li jkollna ġurnaliżmu ħieles irridu inħarsuh'
Il-Parlament Ewropew din il-ġimgħa ta vot b’saħħtu lir-rapport li kont fdata immexxi biex l-Unjoni Ewropea jkollha regoli li jipprevjenu milli jinfetħu kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, magħrufa bħala SLAPP. Aktar minn tliet kwarti tal-MEPs approvaw dan ir-rapport, li jwassal messaġġ qawwi li l-Parlament Ewropew hu magħqud kontra dawn il-kawżi abbużivi. L-għan wara dawn il-proċeduri legali hu biex isikktu individwi u organizzazzjonijiet li jitkellmu dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, bis-settur ġurnalistiku ikun ħafna drabi fil-mira ta’ dawn l-azzjonijiet.
Dan ir-rapport, li fassalt f’isem il-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern flimkien mal-ewroparlamentari soċjalist Tiemo Wolkien mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, għaqqad flimkien kważi d-deputati mill-gruppi politiċi kollha fil-Parlament.
Dan juri r-rieda komuni tal-MEPs li nieħdu azzjoni quddiem dan l-abbuż mis-sistemi ġudizzjarji tagħna, fejn persuni li jkollhom x’jaħbu, jiftħu proċeduri legali f’pajjiżi oħra kontra ġurnalisti u għaqdiet mhux governattivi fost oħrajn. Il-ħsieb wara dawn il-kawżi hu biex jaqtgħu qalb il-ġurnalisti milli jiktbu fuqhom. Mhux għax dawn in-nies ikollhom każ leġittimu għalfejn jaqbżu għad-drittijiet tagħhom, iżda billi dawn il-kawżi jirrikjedu spejjeż kbar u proċeduri twal , ħafna drabi fi qrati barranin, il-ġurnalisti ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jbaxxu rashom u jagħlqu ħalqhom. Dan hu abbuż sfaċċat ta’ dritt fundamentali - il-libertà tal-espressjoni. Il-kriminali li jgħumu fil-flus ma jridux lil min jikxfilhom għawwarhom. Iżda d-dritt fundamentali li jkollna ġurnaliżmu ħieles irridu inħarsuh u dan ir-rapport hu maħsub biex dan is-settur ikollu tarka legali biex tipproteġih.
X’jipproponi ir-rapport?
Il-Parlament Ewropew qed isejjaħ għal Direttiva Ewropea li tindirizza kemm każi lokali u anke dawk li jinfetħu f’ġurisdizzjonijiet barranin. Billi l-ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma daħħal liġijiet li jindirizzaw każi SLAPP, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ iddaħħal fis-seħħ miżuri bażiċi li jipproteġu lil ġurnalisti, NGOs u lis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi Ewropej kollha.
Ir-rapport jinkludi linji gwida li permezz tagħhom, il-ġudikanti ikunu jistgħu jgħarrfu liem huma każi SLAPP u għalhekk itemmu il-proċeduri minnufih. F’dan il-każ, il-persuna li tkun qed tiftaħ il-proċeduri legali trid tiġġustifika għalfejn din l-azzjoni legali m’hix waħda abbużiva. Miżuri oħra jaħsbu għall-penali, fosthom multi amministrattivi, għal nies li jabbużaw mis-sistemi legali billi jiftħu kawżi meqjusa SLAPP.
Il-Parlament Ewropew qed jipproponi li jitwaqqaf fond għall-vittmi ta’ kawżi SLAPP. Dan għandu jagħmel tajjeb għal ħlasijiet legali, assistenza legali u appoġġ psikoloġiku ta’ dawn in-nies. Ir-rapport jissuġerixxi ukoll li għandu jkun hemm taħriġ tal-ġudikanti biex ikunu jistgħu jgħarrfu il-kawżi li jikkostitwixxu SLAPP, flimkien ma taħriġ għall-avukati dwar kif jidentifikaw u jindirizzaw każi SLAPP. Qed nipproponu ukoll li għandu jkun hemm servizz fuq l-internet li jservi ta’ appoġġ u joffri informazzjoni lil nies li jistgħu ikunu vittmi ta’ kawżi SLAPP u fejn ikunu jistgħu jirċievu l-ewwel għajnuna għall-każ tagħhom u jużaw servizzi speċjalizzati bħal avukati, nies li jaħdmu fis-servizzi legali u psikologi.
Ir-rapport isejjaħ għal riforma tal-liġijiet biex jitnaqqas dak li hu msejjaħ FORUM SHOPPING - li jfisser meta persuni jiftħu kawżi f’pajjiżi fejn hemm liġijiet aktar favorevoli fejn tidħol il-kawża tagħhom. Jipproponi ukoll li tiġi introdotta liġi komuni dwar id-defamazzjoni għall-istati membri biex tevita milli jkun hemm kunflitti fil-liġijiet.
B’dan ir-rapport m’aħniex innaqqsu mid-dritt li wieħed jaqbeż għad-drittijiet tiegħu meta jkun hemm każ leġittimu iżda qed nindirizzaw l-elementi fil-liġi li jħallu lil min jabbuża mis-sistema. F’każi fejn m’hemmx bażi legali, jew fejn m’hemmx bilanċ fil-poteri li jkollhom iż-żewġ partijiet fost oħrajn għandhom jitwaqqfu minnufih billi it-talba ta’ min jiftaħ il-każ ma tkunx ġenwina.
Qafas legali li fuqu għandha timxi l-Unjoni Ewropea
Ir-rapport tfassal wara li għamilt konsultazzjoni ma diversi ġurnalisti u attivisti fi ħdan is-soċjetà ċivili li ħabbtu wiċċhom ma kawżi SLAPP. F’moħħi, mindu ġejt fdata b’dan ir-rapport, kien hemm Daphne Caruana Galizia, li meta inqatlet kellha 42 każ kontriha pendenti u l-assi tagħha ffriżati minn dak li kien il-Ministru għall-Ekonomija; il-familja tagħha li qed ikollhom jiddefendu isimha wara li diversi persuni għażlu li ma jwaqqgħux il-kawżi li kienu fetħu kontriha, anke wara l-qtil tagħha.
L-għan tagħna hu li nservu ta’ tarka għal kull ġurnalist li m’għandux jibża jinvestiga u jwettaq xogħolu għax xi ħadd jista’ jiftaħlu kawża biex jintimidah, biex jagħlaqlu ħalqu. Irridu niddefendu l-libertà tal-espressjoni. Irridu nħarsu id-dritt li għandna lkoll li nkunu mgħarrfa b’dak kollu li għaddej madwarna, rwol li taqdieħ il-media u li permezz tiegħu jistà jkollna demokrazija b’saħħitha, u mhux ikollna pajjiż fejn kulħadd jista’ jabbuża minnha.
X’inhuma il-passi li jmiss?
Nhar l-4 t’Ottubru 2021, il-Kummissjoni Ewropea nhediet konsultazzjoni pubblika dwar l-azzjoni li jeħtieġ tieħu l-Unjoni Ewropea biex tindirizza każi abbużivi li fil-mira tagħhom hemm ġurnalisti u attivisti. Il-Kummissjoni qed tippjana li tressaq proposta dwar dan lill-Parlament u l-Kunsill sa nofs is-sena id-dieħla. Ir-rapport imfassal minnha se jservi ta’ bażi biex il-Kummissjoni Ewropea tibni il-proposta tagħha fuqu, tant li diġà iddikjarat li se tfassal kemm miżuri legali kif ukoll oħrajn li mhumiex biex tindirizza l-abbuż li diversi ġurnalisti u attivisti qed jispiċċaw vittmi tiegħu.
Il-Kummissjoni qed jippjana li tippreżenta rakkomandazzjoni li tiffoka fuq aktar għarfien u taħriġ għal professjonisti li jiġu wiċċ imb’wiċċ ma kawżi SLAPP. Qed tħares ukoll li tiżviluppa direttiva li tiffoka fuq il-kawżi li jinfetħu f’pajjiżi differenti, fosthom billi jkun hemm kooperazzjoni ġudizzjarja f’kawżi ċivili li jkollhom implikazzjonijiet f’ġurisdizzjonijiet oħra.
Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea tagħlaq fl-10 ta’ Jannar 2022.