Editorjal | Il-każ ta’ Carmelo Abela
Il-Partit Laburista, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, għandu bżonn jirrikonoxxi l-attakki foloz kontra Carmelo Abela, u jagħmel minn kollox biex Abela jerġa’ jsib postu fil-Partit bħalma jixraqlu
Fil-ħemda u s-skiet tal-media u l-politiċi, aħna mill-editorjal ta’ din il-gazzetta indipendenti bil-Malti, b’mod singulari, irridu nqajmu storja li xi kultant żmien terġa’ tfeġġ, ta’ żewg briganti li vvintaw storja.
Storja minsuġa mingħajr prova minn żewġ kriminali akkużati u misjuba ħatja ta’ diversi reati fosthom li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Kriminali li kienu involuti għal żmien twil fl-iktar każijiet koroh li ra pajjiżna.
Qed nirreferu hawn għall-aħwa Degiorgio. Żewġ karattri perikolużi, li lesti biex joqtlu kiesaħ u biered, nies bla qalb, nies bla morali, li jivvintaw, u mhux hekk biss ... jagħmlu minn kollox biex jagħtu l-impressjoni falza li huma xi onesti u verġni puri.
Matul il-miġja tagħhom fil-proċessi ġudizzjarji dawn użaw kull tattika biex jagħmlu allegazzjonijiet imma bi ftit provi fil-konfront ta’ ħafna nies.
Dawn huma tnejn min-nies li mhumiex biss stonkużi imma ħodor. Posthom il-ħabs.
Dawn kienu allegaw mingħajr ebda prova li Carmelo Abela, Eks Ministru Laburista, dakinhar impjegat tal-HSBC u Deputat Laburista, kien kompliċi jew aħjar ċentrali għas-serqa mill-HSBC.
Abela mill-ewwel ġurnata innega dawn l-allegazzjonijiet, forsi seta’ kien aktar espliċitu imma ċertament qatt ma basar li l-istorja kienet se tasal s’hawn.
Għax hawn ma kienx jaf kemm jista’ jkun kattiv Jason Azzopardi, bniedem li jgħid mod u jagħmel mod ieħor.
Huwa għalhekk ta’ għajb u mistħija li l-eks deputat Nazzjonalista Azzopardi, sfiduċjat mill-kostitwenti tiegħu stess, jirrepeti l-qlajjiet ta’ dawn il-kriminali u jargumenta li din hija l-verità.
U fil-Qorti quddiem ġudikanti li alla jbierek jużaw kejl differenti f’libelli differenti, l-uniku għodda ta’ difiża ta’ Azzopardi hi li Carmelo Abela m’għamilx libell lill-aħwa Degiorgio. Meta l-prova ta’ kull allegazzjoni trid tiġi ppruvata quddiem il-Qorti minn min għamel l-allegazzjoni. Prinċipju bażiku tal-liġi Maltija.
Minkejja dan, Azzopardi jkompli jirrepeti din l-allegazzjoni, megħjun mill-istess grupp żgħir ta’ blogers jew psewdoġurnalisti li jiddependu minn Azzopardi għal xi dokument jew Whatsapp li mhux suppost jiġu ppubblikati fid-dominju pubbliku.
U fid-dawl ta’ dan kollu, sewwa l-Partit Laburista, il-kollegi parlamentari, taż-żewġ naħat baqgħu lura milli jesprimu xi forma ta’ solidarjetà ma’ Carmelo Abela.
Ovvjament għax jibżgħu li huma jispiċċaw il-mira ta’ attakki sensati minn dan l-istess Eks Deputat li huwa persuna li postu ċertament mhuwiex fil-politika.
Li huwa ħażin, ħażin, imma dan l-attentat minn Jason Azzopardi biex ikisser persuna għax hekk, huwa forsi riflessjoni għaliex ħafna nies ma jridux jappoġġjaw il-PN. Mhux għax ma jixtiqux imma għax meta jaraw din il-ħdura jgħidu f’qalbhom, noqogħdu kif qegħdin.
U l-PN jekk verament irid li jkun partit matur u miftuħ għandhu bżonn jinsa nies bħal Azzopardi, anke jaslu biex jinsewh anke għal xi programm fuq NET TV. U min-naħa tagħhom, il-familja Caruana Galizia, għandhom jindunaw li Azzopardi iktar qed jagħmel ħsara milli ġid għall-kawża tagħhom biex jinstabu n-nies kollha responsabbli mill-qtil ta’ Daphne.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti u l-ġudikanti jridu juru ftit kuraġġ u ma jibżgħux minn persuna li mhux biss huwa ipokrita kbir imma jaħseb li ħadd ma jista’ għalih u li hu xi ħadd speċjali.
U fl-aħħar, il-Partit Laburista, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, għandu bżonn jirrikonoxxi l-attakki foloz kontra Carmelo Abela, u jagħmel minn kollox biex Abela jerġa’ jsib postu fil-Partit bħalma jixraqlu.