Brian Scicluna | Dawk l-imberkin pensjonijiet
'Gvernijiet Laburisti dejjem ħadmu sabiex jibnu u jsaħħu l-welfare state sabiex jiżguraw l-appoġġ u s-serħan il-moħħ taċ-ċittadini kollha'
Imma kif kollox partiġġjan f’dan il-pajjiż! Nistgħu l-iswed ngħidulu iswed u l-abjad ngħidulu abjad, minflok ngħidulhom aħmar jew blu? Qed ngħid dan f’kuntest tal-aħbar li f’dan il-baġit, is-snin kontributorji għal pensjoni sħiħa żdiedu minn wieħed u erbgħin għal tnejn u erbgħin sena għal dawk li twieldu wara l-1976.
Bħal donnu l-Ministru tal-Finanzi xammha ġejja din il-kontroversja. Dan għaliex il-kapitlu li fih tkellem dwar iż-żieda ta’ sena fis-snin kontributorji għal pensjoni sħiħa għalqu billi rrimarka li l-età tal-irtirar u r-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mhux se jiżdiedu. Fi kliem sempliċi, il-bolla li nħallsu kull xahar mhux se togħla u min kien eleġibbli li jirtira ta’ ħamsa u sittin xorta għadu eleġibbli li jirtira f’din l-età.
Biex tirtira ta’ ħamsa u sittin sena trid tibda taħdem minn tal-inqas ta’ 23 sena. Ta’ min isemmi li l-Gvern jagħti wkoll sentejn krediti f’bolol lil dawk l-individwi li ta’ bejn tmintax u tlieta u għoxrin sena jkunu qed isegwu kors akkademiku li jdum erba’ snin jew iżjed. Ta’ min isemmi wkoll li ħafna mil-korsijiet ta’ Baċellerat bl-unuri għandhom tul ta’ erba’ snin. Għaldaqstant bniedem li jibda t-traġitt edukattiv terzjarju jew postsekondarju fl-età ta’ tmintax-il sena tipikament ikun lest għad-dinja tax-xogħol ta’ tnejn u għoxrin sena. Meta wieħed iqis il-kreditu ta’ sentejn bolol, tali individwu kulma jrid iħallas huwa erbgħin sena bolol. Dan ifisser li ta’ tnejn u sittin sena jkun feda s-snin ta’ kontribuzzjonijiet sabiex jieħu pensjoni sħiħa. Anke dawk li jkunu segwew korsijiet itwal, ngħidu aħna l-kors tal-liġi jew il-mediċina li minnhom tipikament tiggradwa ta’ ħamsa u għoxrin jew sitta u għoxrin sena, meta tqis is-sentejn krediti ta’ bolol, is-snin kontributorji jkunu ntlaħqu ta’ erbgħa u sittin sena. Ta’ min wieħed ifakkar skemi bħal dawk għall-ġenituri li jieqfu jaħdmu biex irabbu lil uliedhom, li wkoll jieħdu krediti f’bolol skont l-ammont ta’ snin li dak li jkun ikun dam barra d-dinja tax-xogħol.
Hija ħasra li, fil-putiferju li nqala’ minn min kellu intenzjoni jiżgwida, miżura tant importanti oħra li ħabbar il-Gvern fir-rigward tal-pensjonijiet tista’ tgħid li bilkemm issemmiet. Din tirrigwarda persuni li ma kellhomx bolol biżżejjed biex jikkwalifikaw għall-pensjoni. Sa mill-2015 dawn in-nies bdew jieħdu bonus li, sena wara sena, żdied sakemm laħaq is-somma ta’ €600 għal kull min ħallas bejn ħames u disa’ snin bolol. Bis-saħħa tal-baġit li ġie ppreżentat, dan il-bonus issaħħaħ biex jista’ jilħaq is-somma ta’ €1,000. Għaldaqstant, dan il-baġit mhux talli ma żiedx l-età tal-irtirar kif hawn min qed jipprova jqarraq, imma talli ħa ħsieb li jwieżen iżjed individwi li ma kellhomx bolol biżżejjed biex ikunu eleġibbli għall-pensjoni. Nemmen li meta l-kotba tal-istorja jħarsu lura lejn dawn is-snin ta’ Gvern Laburista, se jsibu li wieħed mill-aqwa legati li ħalla huwa fil-qasam tal-pensjonijiet. It-tisħiħ tal-pensjonijiet mill-Gvern Laburista, sena wara sena, huwa xi ħaġa li żgur ma tantx hemm xi tmaqdar fiha. Nemmen li l-kredibbiltà ta’ min qed jipprova jieħu vantaġġ politiku mix-xejn se tkompli titnawwar. Kulħadd jaf li dan il-gvern dejjem kien mal-pensjonant.
Gvernijiet Laburisti dejjem ħadmu sabiex jibnu u jsaħħu l-welfare state sabiex jiżguraw l-appoġġ u s-serħan il-moħħ taċ-ċittadini kollha. L-impenn sod li bih saħansitra dan il-gvern kompla jsaħħaħ il-pensjonijiet jirrifletti dan. Madankollu, filwaqt li l-Partit Laburista ma jista’ jkun qatt li jimmina d-dritt tal-pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħra, l-iżgurar tas-sostenibbiltà tagħhom hija responsabbiltà li titlob ukoll l-azzjoni individwali tagħna ċ-ċittadini sabiex nikkumplimentaw l-isforzi tal-Gvern. B’investimenti fi skemi ta’ pensjonijiet privati, aħna wkoll nistgħu ngħinu biex tittaffa d-domanda għall-fondi pubbliċi filwaqt li nkomplu nsaħħu l-garanzija tal-irtirar komdu tagħna. Dan il-bilanċ bejn il-pensjonijiet tal-istat u dawk privati se jkunu essenzjali biex tiġi ppreservata u msaħħa s-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Brian Scicluna huwa l-Viċi Chairperson Policy ta' IDEAT