Beverly Chymcakova | Għalfejn hemm bżonn il-ħidma kollettiva?

'Jidher biċ-ċar li ħafna mir-residenti ta’ dan il-pajjiż mhux biss huma dejjem iktar konxji tal-valur imprezzabbli li jgawdu minn spazji miftuħa fl-irħula tagħhom stess iżda wkoll kemm verament ninsabu f’punt fejn ma nistgħux nibqgħu siekta'

Dan ix-xahar ġie mfakkar il-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali. F’Malta, l-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali u diversi entitajiet oħra organizzaw mixja simbolika fil-Belt Valletta bl-islogan “Flimkien għas-Saħħa Mentali”. Kliem sabiħ li jfakkarna li m’hemmx isbaħ mill-għaqda meta ninsabu affaċċjati minn sfidi u problemi li jistgħu jaffettwaw lil kulħadd. 

Waqt li huwa fatt li jista’ jkun hemm għadd ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwassluna sabiex nibdew inbatu bi problemi ta’ saħħa mentali, huwa fatt ukoll li l-bniedem għandu bżonn jgħix f’ambjent li joffri opportunitajiet ta’ mistrieħ fi spazji naturali u miftuħa, fejn wieħed ikun jista’ jaqta’ għal ftit mill-istorbju u l-ġenn tal-ispazji urbani, u minn ostakli oħra li jxekkluna milli tassew nitfu l-iswiċċ u nirrilassaw il-menti għal ammont ta’ ħin. 

Jidher biċ-ċar li ħafna mir-residenti ta’ dan il-pajjiż mhux biss huma dejjem iktar konxji tal-valur imprezzabbli li jgawdu minn spazji miftuħa fl-irħula tagħhom stess iżda wkoll kemm verament ninsabu f’punt fejn ma nistgħux nibqgħu siekta meta l-ftit li baqa’ se jittieħed ukoll; nazzarda ngħid akkost ta’ kollox. Akkost tat-tkabbir ekonomiku li l-politiċi tagħna tant iħobbu jġibu bħala skuża kull meta jkollhom jaffaċċjaw ir-rabja u l-frustrazzjoni tan-nies, akkost tat-telf ta’ profitti kbar għall-ftit u l-miżerja għall-bqija, akkost ta’ inqas bini għoli, inqas lukandi u inqas appartamenti, garaxxijiet u supermarkets. 

Jien personalment insibha diffiċli naqbel ma’ din in-narrattiva li pajjiżna għandu bżonn dan l-investiment kontinwu fl-industrija tal-kostruzzjoni għax inkella l-ekonomija tistaġna. Ma nemminx li bħala nazzjon m’aħniex kapaċi niddiversifikaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħna u nibdew gradwalment u serjament inbiddlu dan il-mudell ekonomiku li qed iwassalna litteralment għal ġol-ħajt. M’hemmx għalfejn tgħidilna r-riċerka sabiex nirrealizzaw li dan l-iżvilupp ekonomiku forsi ġab iktar flus fil-but għal bosta, iżda fl-istess ħin ħalliena foqra fuq ħafna livelli oħra li ma jitkejlux b’kemm għandna flus il-bank. 

Is-sensazzjoni ta’ rassenjazzjoni jew apatija ġejja ħafna drabi mit-twemmin li issa tard wisq jew li min għandu l-poter se jirbaħ dejjem ċertament mhux se tgħin lis-saħħa mentali għax mhux talli nkunu ffrustrati, iżda nħossuna wkoll li m’għandniex kontroll fuq dak li jaffettwana daqshekk mill-qrib.  

Iżda m’għandux għalfejn ikun hekk.  

Nemmen bis-sħiħ li l-azzjoni kollettiva li tinbet mill-għeruq u timmira kull enerġija lejn għan komuni għandha seta’ enormi sabiex tagħmel pressjoni u ġġib il-bidla. Ejja ngħiduha kif inhi, l-ebda gvern mhu se jagħmel dan għalina, dan ilkoll nafuh; aħna rridu nkunu biex naqbżu għad-drittijiet tagħna u l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hu li nuru li qtajna qalbna u nħalluhom jagħmlu li jridu. 

Jiena nemmen bis-sħiħ fis-saħħa li għandha s-soċjetà ċivili, għax fl-isfond ta’ dan kollu rridu nifhmu li minkejja l-ostakli li għandna quddiemna, għandna x-xorti li ngħixu f’pajjiż demokratiku fejn il-poter u s-saħħa qegħdin finalment f’idejn l-elettorat, għand kull wieħed u waħda minna.  

B’dan ma rridx ngħid li billi wieħed imur jivvota darba kull ħames snin allura jkun għamel id-dover tiegħu bħala ċittadin u jieqaf hemm. Anzi bil-kontra. Huwa fiż-żmien bejn elezzjoni u oħra li għandna nkunu l-iktar attivi, nieħdu interess f’dak li qed jiġri fit-tmexxija tal-pajjiż u nżommu taħt skrutinju lil dawk li fdajna bil-poter. Huma dawn li jridu jagħtu rendikont lilna lkoll ta’ dak li qed jagħmlu bi flusna u bir-riżorsi limitati ta’ pajjiżna. Għandna nuru biċ-ċar li l-poplu mhuwiex ġaħan li jibla’ kollox għax ma jifhimx. Il-poplu qiegħed għassa u se jsemma’ leħnu fejn jara li hemm abbuż.  

Il-mijiet ta’ residenti li dawn l-aħħar xhur ħadu l-inizjattiva u ngħaqdu sabiex jesprimu pubblikament din il-frustrazzjoni u r-rabja li qed iħossu, ħassew li ma setgħux jibqgħu jħallu lil dawk li għandhom il-poter biex jużawh b’tali mod li minflok iservi lilna lkoll, iservi biss lil dawk li l-viżjoni tagħhom tasal biss sal-but.  

Ejjew nagħtu messaġġ ċar lill-awtoritajiet li mhux se nħalluhom jgħadduna biż-żmien, li qed insegwu dak li qed jagħmlu mill-viċin u se nżommuhom responsabbli ta’ għemilhom. Kull min ingħata l-poter mill-poplu biex jieħu d-deċiżjonijiet għan-nom tiegħu għandu d-dover li jaġixxi tassew, u bil-fatti, għat-tisħiħ tal-ġid komuni.  Demokrazija li taħdem hija waħda fejn ilkoll irridu nieħdu interess attiv f’dak li qiegħed jiġri u nsemmgħu leħinna meta jidhrilna li qed isiru inġustizzji.  

Mhux biżżejjed li ngergru imma rridu wkoll nidderieġu l-frustrazzjoni tagħna lejn attivitajiet kollettivi sabiex leħinna jinstema’ aħjar. Għalhekk ejja nkomplu ningħaqdu u ngħinu lid-diversi assoċjazzjonijiet ta’ numru ta’ rħula kif ukoll ta’ grupp ambjentali, kunsilli lokali u membri oħra tas-soċjetà ċivili – biex inkunu tassew “Flimkien għas-Saħħa Mentali” u flimkien għal Malta.  

More in Politika