.png)
Editorjal | Bżonn li nitkellmu dwar il-gwerra tat-tariffi
Hija inkwetanti li tara din is-sitwazzjoni fejn l-unika reazzjoni għal dan kollu ġejja mill-ġurnali u mhux mill-ġurnali kollha. Hija ħasra li l-pubbliku huwa lluppjat b’affarijiet oħra u ma jinteressahx dan kollu.

Is-silenzju risposta jgħid il-Malti. U ovvjament kien silenzju sħiħ hekk kif l-Amerka ta’ Donald Trump ħabbret numru ta’ miżuri drakonjani, b’tariffi fuq kull pajjiż fid-dinja inkluż Malta. Kien hemm ordni minn fuq li ma jingħad xejn, u kollox ikun koordinat minn Kastilja. Silenzju stampa. Il-messaġġ kien li bażikament din il-kwistjoni tat-tariffi ma kienx jistħoqqilha risposta. Tant hu hekk li l-uniku risposta ħarġet mill-Partit Laburista, b’reazzjoni ta’ Bernard Grech li dan l-aħħar infexx jikteb skoss stqarrijiet stampa.
L-ekonomija Maltija mhix direttament marbuta ma’ dik Amerikana, imma l-mewġ li se jkun hemm minħabba t-tariffi fuq l-Ewropa u l-bqija tad-dinja se jħallu impatt. U dan l-impatt mhux se jkun żgħir. Anzi se jkun kbir. Li l-Gvern ma jgħid xejn mhux normali.
Anzi turi bl-iktar b’mod ċar li l-Gvern jaħseb li dan is-suġġett mhux importanti, li l-poplu m’għandux għalfejn ikun jaf, jew jinkwieta, jew inkella l-Gvern tant qed ikun attent kif jittratta mal-Amerka li qed ikun kwiet. Bħalma kien kwiet meta l-Amerka jew aħjar Donald Trump ħareġ bl-idea inkredibbli li jkeċċi n-nies ta’ Gaża u jagħmel Riviera.
Il-Partit Laburista fil-Gvern missu jaf aħjar, imma llum jidher ċar li ftit huma dawk fi ħdan dan il-partit li huma lesti biex jitkellmu ċar u tond.
Hija inkwetanti li tara din is-sitwazzjoni fejn l-unika reazzjoni għal dan kollu ġejja mill-ġurnali u mhux mill-ġurnali kollha. Hija ħasra li l-pubbliku huwa lluppjat b’affarijiet oħra u ma jinteressahx dan kollu.
L-istandards qed jinbidlu
Li jkollok Ministru li għandu impjieg privat u jagħmilha ta’ Ministru issa ġiet aċċettata. Ħadd ma qal xejn, lanqas l-oppożizzjoni. Li jkollok kap eżekuttiv li waqt li qed iservi ta’ kap eżekuttiv ta’ aġenzija tal-Gvern jibqa’ għaddej bix-xogħol privat saret aċċettabbli. Dawn l-osservazzjonijiet juru bl-iktar mod ċar li l-Gvern għandu attitudni li kollox jgħaddi. Fejn konna qed nitkellmu fuq etika, issa qed nitkellmu fuq politika tal-bulldozer. Li jew magħna jew kontra tagħna.
Li forsi ġiet amplifikata meta f’ittra li Robert Abela bagħat lill-Istandards Commissioner Joe Azzopardi, stqarr wara lment ta’ Arnold Cassola li b’dawn it-tip ta’ talbiet quddiem l-Istandards Commissioner jikkunsidra jbiddel il-liġi biex tirregola t-talbiet.
M’hemmx kliem jew ma tismax b’dawn l-affarijiet.
Tinkwieta biss, li ħadd ma qed jgħid lill-Prim Ministru li b’għemilu u bl-azzjonijiet tiegħu qed ireġġa’ l-arloġġ lura.