Mill-Kamra | 'It-tberbiq li berbaqtu' jgħid Caruana Cilia... 'Mhux se nieħdu lezzjonijiet mingħandkom' iwieġbu Schembri

Il-Ministru Silvio Schembri jisħaq illi jekk il-PN qed jgħid li hu jneħħi s-sistema ta' Direct Orders, li tant qed jikkritika, ikun qed jgħid 'l-akbar ċuċata'

Jerome Caruana Cilia u Silvio Schembri
Jerome Caruana Cilia u Silvio Schembri

Waqt dibattitu ftit jiem wara li tħabbar il-Baġit 2023 u fir-raba' episodju tal-programm Mill-Kamra l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri saħaq illi jekk il-Partit Nazzjonalista jgħid li se jneħħi s-sistema ta' Direct Orders - li jisħaq illi tant jikkritika imma li dwarha ma tantx għandu kredibilità - "ikun qed jgħid l-akbar ċuċata." Huwa qal li ma hemm assolutament xejn ħażin fl-għoti ta' direct orders sakemm dawn isegwu l-proċess stabbilit u skont il-metodu li għalihom jintużaw. 

Schembri kien qed iwieġeb lill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia li waqt l-istess programm qal illi l-Oppożizzjoni filwaqt li taqbel ma' miżuri li permezz tagħhom ikunu mgħejjuna n-nies, "fiċ-ċirkostanzi ta' ssikkar taċ-ċintorin it-tberbiq mhux aċċettabbli." Mistoqsi jispeċifika għal-liema każi qed jirreferi Caruana Cilia elenka diversi rapporti li deheru fuq il-midja fosthom ta' direct orders fl-ITS, kważi 10 miljuni f'direct orders "lil ta' Zammit Tabons" u "ħafna extravaganza għall-Kummissjoni tal-films."

Dwar id-direct orders Caruana Cilia qal li l-PN huwa "kontra l-abbuż."

Minn naħa tiegħu l-Ministru Schembri qal illi dan il-Baġit qiegħed jipprepara it-triq ta' sostenibbilità u qal li fuq id-dejn - kritika li qed tagħmel l-Oppożizzjoni - il-Gvern mhux se jieħu lezzjonijiet mingħand il-PN. "Fl-2013 aħna writna sitwazzjoni - meta ma kienx hawn gwerer u l-kriżijiet li kellna fl-aħħar snin - kellna l-prezz tal-kontijiet tad-dawl jogħlew, il-prezzijiet tal-fjuwil jogħlew u jinbidlu minn ġimgħa għall-oħra u dakinhar id-dejn kien ta' 72% tal-Prodott Gross Domestiku." Schembri qal li minn naħa l-oħra llum, minkejja li l-Gvern ta l-vawċers u wettaq ħafna miżuri relatati mal-pandemija - kemm mil-lat ekonomiku u anke mil-lat ta' saħħa - "id-dejn xorta baqa' taħt is-60%."

Huwa sostna li il-Gvern irid ikompli jwettaq u jbiddel, anke jekk jagħmel żbalji biex - skont hu - ma mmorrux "lura għal żmien GonziPN."

Jerome Caruana Cilia qal illi l-Baġit huwa eżerċizzju ta' Mangement by Crisis ta' Ministru li hu stess qal illi s-soluzzjoni ekonomika "tal-aħħar 10 snin falliet", f'referenza għal kliem il-Ministru Clyde Caruana illi qal li r-riċetta tal-aħħar 10 snin, mhux se tibqa' taħdem għall-10 snin li ġejjin "jekk ma rridux nibqgħu mwaħħlin fit-traffiku." Caruana Cilia fil-fatt qal li diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet ilkoll qalu illi l-baġit ma fihx viżjoni għall-futur.

 

More in Mill-Kamra