Mill-Kamra | Il-Gvern jipproponi li tinħoloq lista ta' dawk li jsejjaħ 'razzez ta' klieb perikolużi'

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tispejga li l-għan huwa l-protezzjoni tal-klieb infushom u l-pubbliku wkoll waqt li tfakkar li l-Gvern se jħarrax il-ġlieda kontra l-moħqrija tal-annimali

Emendi għall-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali li qed ikun diskuss fil-Parlament bħalissa u li fil-fatt jinsab fi stadju tat-Tieni Qari jipproponi li l-Ministru jkollu l-jedd li jipprovdi lista ta' ċertu razez ta' klieb "li huma kkunsidrati perikolużi nkluż il-mod kif għandhom ikunu regolati."

F'kummenti li għaddiet fuq il-programm Mill-Kamra is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif din l-emenda hija ibbażata fuq id-Dangerous Dogs Act tar-Renju Unit u li tfakkar illi għandha l-għan illi toħloq qafas ta' regolamenti li jipproteġu kemm ir-razza nnifisha imma anke lill-pubbliku in ġenerali. 
Mistoqsija jekk dan ifissirx li s-sidien ta' klieb li forsi ġejjin minn razza meqjusa aktar "aggressiva" għandhom jinkwetaw li l-Gvern se jieħu

passi kontra l-annimali tagħhom, Bugeja Said wieġbet fin-negattiv. "Żgur li le. U tajjeb li ngħidu wkoll illi hemm diskussjoni wkoll fir-Renju Unit dwar l-użu tal-kelma perikoluża u jekk għandhiex tintuża jew le," kompliet tgħid - anke jekk fil-fatt huma l-emendi tal-Gvern stess li jużaw il-kelma "ikkunsidrati bħala perikolużi." 

Hija qalet li l-għan tal-Gvern huwa li jaċċerta illi jkun hemm il-prekawzjonijiet neċessarji meta s-sid ikun barra b'kelb li huwa meqjus perikoluż jew minn razza aktar aggressiva. 

Mistoqsija waqt l-istess programm għaliex tressqu dawn l-emendi hija qalet illi l-għan tal-Gvern huwa li jkompli jixpruna aktar protezzjoni, fid-dawl ta' nuqqasijiet fil-liġijiet kif inhuma sa issa li forsi ma jagħmlux l-implimentazzjoni daqstant faċli. 

Bugeja Said fil-fatt issemmi kif sal-lum id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali irid dejjem jagħti avviż ta' 24 siegħa qabel jagħmel spezzjoni. "Dan ifisser allura li qisu qed jingħata ċans li tinħeba l-evidenza ta' moħqrija qabel ma ssir l-ispezzjoni. Issa qed naraw li ma nagħtux dan iċ-ċans aktar u li d-Direttorat ikun jista' jmur bil-pulizija u jieħu azzjoni dak il-ħin," spjegat is-Segretarju Parlamentari ma' Mill-Kamra. 

Fil-fatt l-emenda tgħid illi anke jekk il-preavviż jibqa' japplika f'xi każi, dan ma japplikax meta "d-Direttur innifsu  - u mhux kwalunkwe uffiċjal ieħor li qed jaġixxi bl-awtorità tiegħu - ikollu suspett raġonevoli fuq bażi ta' evidenza sostanzjali li twettaq reat taħt dan l-Att."

Tgħid ukoll illi f'każi fejn is-sid tal-proprjetà privata ma jkunx jista' jiġi identifikat minkejja dak li l-emendi jsejħu "sforzi raġonevoli", l-uffiċjal jista' jidħol permezz tal-forza u mingħajr il-kunsens jew twissija minn qabel tas-sid." 

Multi ħafna eħrex u reġistru 

Meta jkun hemm xi każ ta' moħqrija, dan jispiċċa fuq il-midja soċjali u jkollok baraxx ta' kummenti ta' kundanna. Dan kollu tajjeb, imma bil-kundanni biss mhux se naslu. X'qed jipproponi l-Gvern fejn jirrigwarda pieni? Se jħarrax il-ġlieda kontra l-moħqrija?

Hija bdiet billi qalet illi l-eluf ta' kummenti huma riflessjoni pożittiva ta' kemm il-poplu sar aktar sensittiv fejn jirrigwarda l-annimali u l-importanza li dawn ikunu protetti. 

Hija qalet illi l-Gvern se jħarrax il-pieni bil-qawwi sabiex il-multi kontra l-moħqrija se jkunu qed jitilgħu saħansitra sa €60,000 għall-ewwel darba li jsir reat ta' dan it-tip u sa €80,000 jekk l-abbuż jerġa' jirrepeti ruħu. 

Apparti minn hekk l-emendi tal-Gvern qed jisħqu wkoll li l-Qorti tista' - meta tħoss li dan huwa xieraq - apparti l-piena, tiddeċiedi li żżomm persuna ħatja milli żżomm annimali f'darha. 

Alicia Bugeja Said temmet tfakkar illi l-Gvern qed jipproponi wkoll li jkun hemm reġistru ta' nies ħatja ta' moħqrija li jinżamm mill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali sabiex b'hekk dawn ma jkunux jistgħu jrabbu annimali. 

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said

More in Mill-Kamra