Terrimot b'qawwa ta' 6.8 fuq l-iskala Richter heżżeż lill-Marokk il-ġimgħa filgħaxija, liema theżżiża nħasset għal numru ta' sekondi u ġabet ħerba fil-belt ta' Marakexx. L-awtoritajiet Marokkini jemmnu li mijiet ta' persuni nqatlu hekk kif bosta binjiet iġġarrfu mal-lejl.
Fil-fatt, huwa maħsub li minn tal-inqas 632 persuna nqatlu u madwar 329 persuna weġġgħu skont il-Ministeru għall-Intern tal-Marokk.
Apaprti dan, numru ta' karozzi fit-toroq 'il barra minn Marakexx spiċċaw imwaqqfin minħabba ġebel li spiċċa fit-triq, li wassal għal trafffiku kbir, u aktar problemi biex l-awtoritajiet jaslu fuq il-post u jsalvaw lil dawk maqbuda.
Intant, dwar dan ikkummenta ma' din il-gazzetta id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis li kien proprju f'Marakexx ftit tal-jiem ilu. Huwa stqarr li numru ta' binjiet storiċi u anke lukandi raw ħsara kbira minħabba t-terrimot. Qal ukoll li huwa kkuntattja familja li jaf li kienu fiż-żona milquta, u dawn qalu li min-naħa tagħhom, huma jinsabu siguri.
Zammit Lewis stqarr ukoll li huwa bħalissa jinsab f'Tanġier fin-naħa l-oħra tal-pajjiż, u li jistenna li bosta turisti li kienu f'Marakexx se jivjaġġaw lejn Tanġier biex jitilqu mill-Marokk.