Il-Kardinal Taljan Giovanni Angelo Becciu, li fl-2023 ġie kkundannat mill-Qorti Kriminali tal-Vatikan għal reati ta’ korruzzjoni finanzjarja, ħabbar li mhux se jipparteċipa fil-konklav li se jibda fil-7 ta’ Mejju biex jintgħażel il-Papa l-ġdid.
Becciu, li darba kien wieħed mill-figuri l-aktar influwenti fil-Vatikan, qal li ddeċieda li josserva r-rieda tal-Papa Franġisku – li miet il-ġimgħa li għaddiet – li hu ma jkunx parti minn dan il-proċess elettorali, minkejja li jinsisti li huwa innoċenti.
"Bil-qalb kollha għall-ġid tal-Knisja, li qdiet u se nkompli nqdi b’fedeltà u mħabba, u biex nikkontribwixxi għall-komunjoni u s-serenità tal-konklav, iddeċidejt li nobdi – kif dejjem għamilt – ir-rieda tal-Papa Franġisku li ma nidħolx fil-konklav, waqt li nibqa’ konvint bl-innoċenza tiegħi," qal Becciu fi stqarrija li ħareġ illum.
Fl-2020, il-Papa Franġisku kien ordna lil Becciu jirriżenja mid-“drittijiet u l-privileġġi” tiegħu bħala kardinal wara li nqabad fi skandlu finanzjarju serju marbut mal-investimenti tal-Vatikan. Minkejja dan, Becciu baqa’ jgħix f’appartament fil-Vatikan u nieda appell kontra s-sentenza ta’ ħames snin u nofs ħabs li ngħata.
Becciu kien okkupa l-kariga ta’ “sostituto” fis-Segretarjat tal-Istat – rwol simili għal dak ta’ kap tal-istaff papali – fejn kellu aċċess dirett u immedjat għall-Papa u setgħa kbira fuq l-amministrazzjoni ċentrali tal-Knisja. Aktar tard ġie trasferit biex imexxi d-dikasteru li jissorvelja l-proċess tal-kanonizzazzjoni tal-qaddisin.
Din id-deċiżjoni tiegħu li jirtira mill-konklav tiġi biss ġimgħa wara li qal f’intervista ma’ gazzetta f’Sardinja li “ma kien hemm l-ebda rieda espliċita li nkun eskluż mill-konklav u lanqas talba biex nirrinunzja bil-miktub.”
Il-konklav li jmiss, li se jinġabar ġewwa l-Kappella Sistina, se jkollu jiddeċiedi min se jkun il-mexxej spiritwali ta’ 1.4 biljun Kattoliku madwar id-dinja.