Mark Carney elett bħala l-Prim Ministru tal-Kanada

Mark Carney, eks gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Kanada u tal-Bank of England, ġie elett il-Prim Ministru l-ġdid tal-Kanada wara li l-Partit Liberali rebaħ l-elezzjoni federali tal-2025 • Din tirrappreżenta bidla importanti fil-politika Kanadiża, hekk kif il-votanti wieġbu b’mod qawwi għall-politika tal-kummerċ aggressiva tal-President Amerikan Donald Trump

Il-Prim Ministru Mark Carney waqt mass meeting (Ritratt: @MarkJCarney/X)
Il-Prim Ministru Mark Carney waqt mass meeting (Ritratt: @MarkJCarney/X)

Il-Kanada għandha Prim Ministru ġdid hekk kif il-poplu Kanadiż eleġġa lill-Partit Liberali, parzjalment bis-saħħa tat-theddid tal-President tal-Amerka Donald Trump, li hedded lill-Kanada b'gwerra kummerċjali u li ħa jannessaha u jagħmilha l-51 stat Amerikan.

Il-bidla fit-tmexxija seħħet wara li Justin Trudeau ħabbar ir-riżenja tiegħu fit-tmiem ta' Jannar, fost pressjonijiet interni u tnaqqis qawwi fil-popolarità tal-gvern.

Il-Partit Liberali għażel lil Mark Carney bħala l-kap il-ġdid tiegħu, persuna rispettata b’ħafna esperjenza fl-ekonomija iżda ġdid fix-xena elettorali. Fil-fatt, Carney kien diriġent ma' Goldman Sachs, kif ukoll gvernatur mal-Bank Ċentrali tal-Kanada u l-Bank of England.

Minkejja li huwa l-ikbar partit fil-Parlamenti, jidher li l-Partit Liberali ma kisbux biżżejjed siġġijiet fil-Parlament biex ikollhom maġġoranza assoluta. Il-probabbiltà hija li jkollhom jiffurmaw gvern ta' minoranza u jitolbu l-appoġġ ta' partiti iżgħar biex ikunu jistgħu jgħaddu l-liġijiet u jgħaddu minn voti ta' sfiduċja.

Fost l-aktar kwistjonijiet li ħakmu l-kampanja elettorali kien hemm ir-relazzjoni tal-Kanada mal-Istati Uniti minħabba l-aġir ta' Trump fir-rigward tal-Kanada.

Il-politika protezzjonista ta’ Trump, inklużi t-tariffi imposti fuq prodotti Kanadiżi, u l-kummenti provokattivi tiegħu kontra l-Kanada, wasslu għal mewġa ta’ solidarjetà nazzjonali li gawda minnha Carney, li ppreżenta ruħu bħala figura soda u kapaċi fil-konfront ta’ theddid ekonomiku estern.

Carney wiegħed li se jiffoka fuq numru ta' diffikultajiet li qed jiffaċċjaw lill-Kanada bħalissa, inklużi: stabbiltà ekonomika u taħriġ industrijali ġdid; riduzzjoni tal-piż fiskali fuq il-klassi tan-nofs; u diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali lil hinn mill-Istati Uniti.

Il-Kabinett il-ġdid mistenni jitħabbar fi żmien ġimagħtejn, filwaqt li Carney diġà beda laqgħat mal-provinċji ewlenin u mal-korpi ekonomiċi biex jimbotta 'l quddiem pjan ta’ rkupru nazzjonali.

More in Barranin