Trump 'jaħseb' li Zelenskyy lest iċedi l-Krimea għall-paċi

Il-President Amerikan Donald Trump qed jagħmel pressjoni fuq il-President Russu Vladimir Putin biex iwaqqaf il-ġlied u jiffirma patt għall-paċi

Iż-żewġ mexxejja ddeskrivew il-laqgħa li kellhom qabel il-funeral tal-Papa Franġisku bħala waħda pożittiva
Iż-żewġ mexxejja ddeskrivew il-laqgħa li kellhom qabel il-funeral tal-Papa Franġisku bħala waħda pożittiva

Il-President tal-Amerka Donald Trump qal li jaħseb li l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy huwa lest li jċedi l-Krimea lir-Russja f'isem il-paċi.

Minkejja l-bosta drabi li l-amministrazzjoni Ukrena rrifjutat il-possibbiltà li tirrikonoxxi legalment l-annessjoni illegali tal-peniżola, li r-Russja wettqet fl-2014, Trump huwa tal-idea li din waslet biex tinbidel. Fil-fatt, meta mistoqsi jekk Zelenskyy huwiex lest iċedi l-Krimea, il-Mexxej Amerikan qal, "naħseb."

Barra minn hekk, Trump qed jitfa' pressjoni fuq il-President tar-Russja Vladimir Putin biex iwaqqaf l-ostilitajiet u jirrikorri għad-diplomazija. "Waqqaf l-isparar, poġġi bilqiegħda, u ffirma patt" biex jintemm il-ġlied, qal il-President Amerikan, fejn qal ukoll li din hija possibbli li tintlaħaq f'ġimagħtejn.

Dawn il-kummenti ħarġu wara laqgħa li kellhom Trump u Zelenskyy qabel il-funeral tal-Papa Franġisku, fejn iż-żewġ mexxejja kellhom kummenti pożittivi dwar il-laqgħa. 

S'issa la Zelenskyy u lanqas Putin ma qalu xejn dwar il-kummenti ta' Trump.

Politiċi oħrajn madwar id-dinja huma tal-fehma li tkun diżastruża kieku l-Gvern Ukren jaċċetta li l-Krimea ssir parti mir-Russja.

Eżempju, il-Ministru tad-Difiża Ġermaniż Boris Pistorius qal li l-amministrazzjoni Ukrena ma jmisshiex tagħmel li qed jissuġġerixxi Trump. Qal ukoll li kieku l-Ukrajna taċċetta u tirrikonoxxi l-annessjoni illegali tal-Krimea, tkun l-ekwivalenti ta' "kapitulazzjoni".

More in Barranin