15,000-il tifel u tifla fl-UE skoprew li kellhom kanċer matul l-2020

Waqt Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew jingħad li ma hemmx provi ta' rabta bejn kanċer u ikel tat-trabi, kif ukoll bejn l-użu tal-mowbajls u l-marda li qed taħsad eluf ta' ħajjiet kull sena ...

 

15,000 tifel u tifla madwar l-UE kienu dijanostikati għall-kanċer matul l-2020
15,000 tifel u tifla madwar l-UE kienu dijanostikati għall-kanċer matul l-2020

15,000 tifel u tifla nstab li kellhom il-kanċer matul l-2020  madwar l-Unjoni Ewropea, biex din tibqa' l-iktar marda li qed twassal għal imwiet fost it-tfal , anke jekk ir-rata ta' mortalità qed tonqos.  Fuq livell internazzjonali statistika maħruġa dan ix-xahar stess mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi kif huma madwar 400,000 tifel u tifla u adoloxxenti, mit-twelid sa 19-il sena, qed ikunu  dijanostikati għal-kanċer kull sena.  L-aktar komuni kienu l-Lewkimja, tumuri fil-moħħ u  Lymphomas. 

Dan is-suġġett vast u pjuttost delikat tqajjem f'Kumitat Speċjali li ddiskuta l-Ġlieda kontra l-Kanċer fil-Parlament Ewropew u li matulu pparteċipaw diversi professjonisti u anke MEPs, fosthom il-Malti Cyrus Engerer. 

Għal mistoqsijiet minn MEPs li kienu qed isegwu din id-diskussjoni l-Onkoloġista Pedjatriku u Kap  tar-Riċerka Klinikali fl-Istitut Gustave Rouss, Gilles Vassal qal li sa issa ma hemm ebda prova konklussiva dwar ċerta tip ta' ikel ta' trabi li jista' jkun qed iwassal għal kanċer fost it-tfal.  Gilles qal ċar illi sa issa "m'għandniex esperjenzi jew provi li dan qed iwassal għal kanċer fost it-tfal." 

Minkejja dan, rapport din il-ġimgħa fuq The New York Times, juri kif investigaturi tal-Kungress Amerikan sabu li numru ta' ingredjenti fl-ikel tat-trabi kienu kkontaminati minn livelli ta' metalli bħall-arseniku, "ferm ogħla minn dawk permessi fi prodotti bħall-ilma fil-fliexken."

Filwaqt li ċerti metalli huma naturali f'numru ta' ħxejjex u l-qamħ, dawk li jimmanifatturaw l-ikel ġieli jżiduhom ma' ċerti prodotti. 

Fejn jirrigwarda l-Cadmium, per eżeżmpju  - kontaminant li jseħħ naturali imma wkoll minħabba sorsi agrikoli u industrijali u li jinstab jew fis-sigaretti jew f'ikel bħaċ-ċereali - il-Kummissjoni Ewropea rrevediet il-livelli massimi fuq ikel li fuqhom - sa issa - ma kinux stabiliti livelli massimi. Dawn il-livelli għandhom l-għan li jipproteġu lit-tfal, speċjalment f'dak li jirrigwarda ċikkulata u formula għall-ikel tat-trabi. 

Il-Lukimja huwa l-aktar kanċer prevalenti fost it-tfal

Fi studju ta' diversi speċjalisti u tobba fosthom Eva Steliorova Foucher, li pparteċipat f'dan id-dibattitu fil-Parlament Ewropew wkoll, jirriżulta illi l-aktar kanċer komuni fost it-trabi u tfal, tat-twelid sa erba' snin kienet il-Lukimja b'36.1%, filwaqt illi l-Lymphoma jirrapreżenta 22.5% tal-kanċer fost dawk bejn il-15 u d-19-il sena. 

Ma kienx ippruvat li l-mowbajls jagħmlu l-ħsara

Steliarova Foucher mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka għall-Kanċer - għall-mistoqsija tal-MEP Dolors Montserrat, qalet illi b'mod ġenerali ma kienx ippruvat illi l-użu tal-mowbajls huwa perikoluż.  Hija qalet iżda li qed isiru diversi studji differenti fosthom dwar l-użu tal-pestiċidji, fatturi relatati mad-dieta, it-tipjip u l-alokoħol waqt li mara tkun tqila u kif dawn jistgħu jwasslu fil-fatt biex jiżdied il-kanċer fost it-tfal.  Temmet tfakkar iżda li għalissa l-kampjuni huma wisq żgħar, anke għaliex l-inċidenza tal-kanċer fost it-tfal huwa ħafna inqas minn dak fost l-adulti. 

Hija qalet lill-Parlament Ewropew li qed ikun hemm żieda ta' 0.5% fil-kanċers fost it-tfal kull sena, li ddeskrivietha bħala żieda li mhux kbira imma li hija kostanti. 

L-aċċess:  Min għandu u min le!

Fost oħrajn Carmelo Rizzari minn SIOP Europe sostna illi l-istatistika turi illi 44% tal-mediċini essenzjali biss huma rrappurtati bħala "dejjem aċċessibbli" f'90% tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  Rizzari spjega permezz ta' grafika kif fl-aħħar 23 sena kienu approvati erba' mediċini biss li jilqgħu għall-lymphoblastic Leukemia. 

L-aċċess kien punt li tqajjem diversi drabi mhux biss matul id-diskussjoni f'dan il-kumitat imma wkoll f'diversi rapporti dwar il-kanċer fost it-tfal. 

Fil-fatt l-inġustizzja anke f'din il-marda qerrieda hija ċara ħafna madwar id-dinja, bl-WHO tgħid illi filwaqt li f'pajjiżi bi dħul għoli fejn hemm servizzi komprensivi u aċċessibbli 80% tat-tfal ifiequ mill-kanċer, f'pajjiżi bi dħul medju jew baxx ir-rata ta' tfal li jfiequ mill-kanċer huwa biss ta' massimu ta' 45%. 

L-WHO tgħid illi l-aktar fatturi komuni li jwasslu biex ikun hemm rata ogħla ta' mwiet fost it-tfal li jkollhom kanċer huma:  dewmien biex isir dijanjosi, dijanjosi mhux preċiża, terapija li mhix aċċessibbli u persuna li ma tibqax tmur għat-terapija. 

Matul id-diskussjoni fil-Kumitat il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kopacz qalet illi hemm bżonn li niftakru illi l-ġlieda kontra l-kanċer fit-tfal hija "ġlieda kontra l-ħin speċjalment bħalissa, hekk kif għaddejja pandemija."

Intant għall-mistoqsija tal-MEP Malti Cyrus Engerer, Gilles Vassal appella biex ikun hemm għajnuna lill-kumpaniji tal-Bioteknoloġija Ewropej biex dawn jiżviluppaw mediċini ġodda li jkunu speċifiċi għat-tfal. 

X' qed tagħmel l-UE fil-ġlieda kontra l-Kanċer?

  • L-UE fasslet pjan bl-isem 'Il-Pjan tal-Ewropa biex Tirbaħ lill-Kanċer' u fih qed tagħmel diversi miri li jlaħħqu sal-2030.  Hawn huma elenkati ftit minn dawn: Tiġi riveduta d-Direttiva tal-Prodotti tat-Tabakk u d-Direttiva tat-Tassazzjoni tat-Tabakk, tiġi aġġornata r-rakkomandazzjoni dwar żoni fejn ma tistax tpejjep u jiġi rivedut il-qafas legali dwar bejgħ u xiri ta' tabakk bejn pajjiż u ieħor minn individwi.  Dan irid isir sal-2025.  It-tipjip huwa meqjus bħala l-akbar fattur għall-kanċer fil-pulmun.
  • Sal-2025 jiġu riveduti l-iskemi dwar ħalib, frott u ħxejjex - isiru tikketti ta' nutrizzjoni ma' kull prodott.  Dieta bilanċjata, tgħin għal ħajja sana u prevenzjoni tal-kanċer. 
  • Jiġu riveduti l-limiti tal-asbestos sabiex jitnaqqas ir-riskju fuq il-ħaddiema.  L-asbestos huwa kawża ta' diversi forom ta' kanċer, kif rajna f'Malta fil-każ ta' eks ħaddiema tat-Tarzna. 
  • Miżuri għall-prevenzjoni mir-raġġi tax-xemx, inkluż fuq sunbeds.  Ix-xemx hija waħda mill-akbar fatturi ta' kanċer tal-ġilda.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024