L-MEP Cutajar tinħatar firmatarja f'koalizzjoni li ser issawwar viżjoni għat-turiżmu fl-UE

Cutajar insistiet li meta jitmexxa b’mod xieraq, it-turiżmu joħloq opportunitajiet fejn qabel ma kienx hemm, jindokra r-riżorsi naturali u jtejjeb il-livell tal-għixien.

L-MPE Josianne Cutajar, li hija membru tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fil-Parlament Ewropew u tat-Task Force dwar it-Turiżmu fi ħdan l-istess Kumitat, għadha kif saret firmatarja fil-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu. Il-Koalizzjoni qed issawwar viżjoni għas-settur turistiku, u diġà stabbilixxiet tlettax-il Prinċipju Gwida sabiex ikun żgurat li l-industrija tiżviluppa b’mod sostenibbli.

Filwaqt li ġibdet l-attenzjoni għall-isfidi li qed jiffaċċja s-settur turistiku illum, Cutajar qalet li s-settur bħalissa jinsab f’salib it-toroq. ‘Nistgħu jew immorru lura għas-sistema ta’ qabel li kienet tpoġġi piż qawwi fuq il-komunitajiet u l-ekosistemi tagħna, jew inkella nagħżlu mudell turistiku differenti li jġib lura l-bilanċ bejn il-viżitaturi, il-komunità u n-natura,’ stqarret l-MPE Għawdxija.

Cutajar insistiet li meta jitmexxa b’mod xieraq, it-turiżmu joħloq opportunitajiet fejn qabel ma kienx hemm, jindokra r-riżorsi naturali u jtejjeb il-livell tal-għixien.

‘Jekk inqiegħdu l-ħtiġijiet tal-komunità fiċ-ċentru tal-viżjoni tagħna, nistgħu nibnu t-turiżmu mill-ġdid bħala forza għall-ġid tas-soċjetajiet tagħna. Il-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu tagħtina opportunità tajba biex nersqu flimkien ħalli nibnu b’mod aħjar u ningħaqdu lejn viżjoni komuni, u dan permezz ta’ saħħa fl-għaqda, fid-diversità ta’ rappreżentanza, u fi spirtu innovattiv ta’ kollaborazzjoni,’ żiedet tgħid Dr Cutajar.

Imwaqqfa f’Ġunju tal-2020, il-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu hija sforz kollettiv sabiex titfassal direzzjoni aktar sostenibbli u innovattiva għas-settur turistiku. Il-Koalizzjoni hi magħmula minn sitt għaqdiet mhux governattivi, jiġifieri is-Center for Responsible Travel (CREST), id-Destination Stewardship Center, il-Green Destinations, Sustainable Travel International, Tourism Cares, flimkien ma’ Travel Foundation.

L-MPE Cutajar qed tikkampanja sabiex l-industrija tat-turiżmu torjenta mill-ġdid il-mudelli ta’ negozju tagħha billi tersaq lejn mudelli li jpoġġu l-komunitajiet lokali u l-ekosistemi tagħhom fiċ-ċentru tal-ġestjoni u l-iżvilupp tat-turiżmu. Dr Cutajar qed tinsisti wkoll fuq l-urġenza li ngħaddu mill-kliem għall-fatti sabiex inġibu s-sostenibilità fit-turiżmu.

Sadanittant, iċ-Chairperson tal-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu, Jeremy Sampson, laqa’ b’entużjażmu is-sehem ta’ Cutajar bħala imsieħba importanti fil-ħidma lejn turiżmu aktar sostenibbli.

‘Neħtieġu mexxejja li għandhom il-passjoni u vuċi bħall-MPE Josianne Cutajar sabiex dan l-għan jingħata prijorità fuq l-aġenda, biex b’hekk it-tifsil ta’ politika u mudelli ta’ negozju jkunu jistgħu jinħasbu mill-ġdid favur turiżmu ibbażat fuq il-kwalità u mhux biss fuq il-kwantità. Bi pjaċir nagħtu merħba lil Dr Cutajar fil-komunità għall-Futur tat-Turiżmu, li diġà tinkludi kważi 500 megozju, destinazzjoni, gvernijiet, għaqdiet mhux governattivi u oħrajn li jinsabu lesti biex jimxu din it-triq ġdida’, qal Sampson.

Cutajar tappoġġja l-idea ta’ viżjoni ħolistika lejn it-tkabbir fis-settur, waħda li tiddefinixxi mill-ġdid il-mod ta’ kif inkejlu s-suċċess fit-turiżmu. Fil-fehma tal-MPE Cutajar, l-iżvilupp tan-Negozji Żgħar u Medji, it-tqassim ġust tal-ġid, u t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ proviżjoni sostenibbli fuq livell lokali jeħtieġ li jkunu l-mod ġdid ta’ kif ninterpretaw is-suċċess fis-settur. L-Ewroparlamentari qed tħeġġeġ lin-negozji kollha fit-turiżmu, lid-destinazzjonijiet u atturi oħra fis-settur biex jadottaw il-prinċipji stabbiliti f’dan l-isforz lejn settur turistiku aktar sostenibbli, ġust u inklussiv.

Video is unavailable at this time.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024