L-MEP Olandiż, Mohammed Chahim, mill-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew fetaħ qalbu fuq esperjenzi li jgħaddi minnhom frekwentement minħabba il-kulur tal-ġilda tiegħu. Dan għamlu f'diskussjoni li seħħet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza mfakkar nhar il-Ħadd 21 ta' Marzu, li din is-sena ġie ċċelebrat mill-Parlament Ewropew b'diskussjoni maż-żgħażagħ.
Fil-bidu ta’ Mejju tas-sena l-oħra, nies madwar id-dinja pprotestaw fit-toroq u bil-midja soċjali kontra r-razziżmu. Din is-sena l-Parlament Ewropew ħass li biex jiċċelebra l-Jum Dinji kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza għandu jorganizza diskussjoni fuq it-tibdiliet li għaddiet minnhom id-dinja minn dakinhar tal-protesti sal-lum.
Il-Viċi President tal-Forum taż-Żgħażagħ Musulmani Ewropej u Organizzazzjonijiet Studenti (FEMYSO), Yusuf Hassan, fetaħ id-diskussjoni billi tkellem fuq l-importanza li mhux biss għandna nitkellmu fuq il-problema tar-razziżmu iżda wkoll nieħdu azzjoni. “Il-brutalità tal-pulizija, u razziżmu kontra nies ta’ ġilda skura nassoċjahom mal-Istati Uniti, għax forsi nisimgħu b’ammont ta’ każijiet li jseħħu hemm. Dan ma jfissirx li mhux problema fl-Unjoni Ewropea wkoll,” qal Hassan. Hu kompla billi ta eżempju ta’ statistika mir-rapporti maħruġa mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fost l-oħrajn dan ir-rapport jiżvela li 31% tan-nies b’ġilda skura fl-UE jesperjenzaw fastidju jew abbuż minħabba il-kulur tal-ġilda. Wieħed minn kull 10, jesperjenzaw dan l-abbuż minn uffiċjal tal-infurzar tal-liġi.
Hassan fakkar ukoll li ż-żgħażagħ huma l-futur kif ukoll il-preżent. Dan wassal lil Hassan biex itemm jgħid li ż-żgħażagħ għandhom ikunu imdaħħla fid-deċiżjoni li jittieħdu dwar liġijiet u politika ġenerali għax huma se jkunu qed jgħixu b’dawn il-liġijiet matul ħajjtihom kollha anke jekk l-istess liġijiet ma jkunux ġusti.
Nadia Adri mill-European Network Against Racism (ENAR) kompliet billi spjegat li hemm tlett tipi ta’ razziżmu; individwali, istituzzjonali u dak sistematiku. Razziżmu individwali hu meta individwu jkun razzist. Istituzzjonali hu meta r-razziżmu jiġi infurzat mill-awtorità u l-istituzzjonijiet. L-aħħar kategorija hi dik sistematika, fejn il-liġi tkun tenforza r-razziżmu minnha nnifisha. Dan tal-aħħar ikun mdaħħal fil-politika kif ukoll fil-kultura u hu l-iktar wieħed li hemm bżonn jkun miġġieled, tispjega Adri.
L-MEP Olandiż, Chahim, sostna li l-kultura fil-films kif ukoll fil-kotba u anke l-mod kif il-midja tindirizza ċerti sterjotipi ma jgħinx. “Iva, hu tajjeb li issa hawn min jirrepreżenta etniċitajiet differenti f'kull settur imma issa wasal iż-żmien li nibdew nieħdu l-azzjoni li dejjem nitkellmu fuqha,” temm jgħid Mohammed Chahim
Id-diskussjoni kienet miftuħa għall-pubbliku anke f’pajjiżna permezz tal-paġna tal-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f'Malta.