Leġiżlazzjoni SLAPP | 'Il-libertà għall-ġurnalisti li jagħmlu xogħlhom mhix separata mid-demokrazija'

Id-diksussjoni dwar leġiżlazzjoni Ewropea kontra l-ISLAPP tkompli fil-Parlament Ewropew - Malta mhux weħidha fil-ġlieda kontra SLAPP - Ħarsa wkoll lejn każijiet oħra ta' SLAPP madwar l-Ewropa

Tkompli id-diskussjoni u jkompli x-xogħol fuq l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida kontra l-SLAPP. Dan kollu mmexxi minn l-MEP Roberta Metsola li enfasizzat l-ħtieġa u r-responsabiltà li għandha l-Unjoni Ewropea biex tipproteġi l-ġurnalisti. 

Il-kawżi SLAPP, Kawża Strateġika Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika, m’humiex sempliċiment libell jew każ fil-Qorti. SLAPP hi kawża mfassla bħal bizzilla biex tiċċensura u tintimida lill-ġurnalisti. Dan kollu jsir minn persuni biex jsikktu lill-kritiċi tagħhom billi jegħlbuhom bi spejjeż legali.

Metsola qalet li l-għan wara d-diskussjoni li seħħet fi Brussell nhar il-11 ta’ Mejju, qed twettaq t-triq għal-leġiżlazzjoni ġdida li tkun tista sservi bħala protezzjoni tal-istampa. “Il-libertà għall-ġurnalisti li jagħmlu xogħlhom ma tistax tkun separata mid-demokrazija. Li nipproteġu l-ġurnalisti jfisser li nipproteġu l-mod ta’ ħajja tagħna”, qalet Metsola.

Id-diskussjoni kienet waħda ta’ suċċess, b’diversi MEPs jitkellmu fuq każijiet ta’ SLAPPs f’pajjiżhom ukoll. L-ewroparlamentari qed jipproponu li jintroduċu standards minimi biex jipproteġu kontra l-ilmenti SLAPP madwar l-UE, u jagħtu s-setgħa lill-imħallfin li jwaqqfu kawżi vessatorji u sanzjonijiet kontra dawk li jippreżentawhom.

Fost is-suġġerimenti biex jiġu appoġġati l-ġurnalisti hemm il-ħolqien ta 'one-stop shop’ li jgħin lil dawk li qed jiffaċċjaw theddid SLAPP. 

Metsola nħatret bħala rapporteur flimkien mal-MPE Ġermaniż tal-S&D Tiemo Wölken li tkellem ukoll dwar sforzi leġiżlattivi ġodda biex jiġu evitati kawżi SLAPP kontra ġurnalisti fl-UE. Wölken li hu avukat, qal li l-UE kienet qed tidħol f'territorju mhux kopert bil-leġiżlazzjoni proposta. Huma qalu li dan kollu sar bl-għan li ssir votazzjoni fil-plenarja ta’ Ottubru dwar ir-rapport li jkun qed jinġabar. 

Grupp ta’ ewroparlamentari ilhom minn Frar tal-2018, jappellaw lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi direttiva tal-'UE anti-SLAPP'. Din id-direttiva tagħti lill-ġurnalisti investigattivi u lill-gruppi tal-midja s-setgħa li jitolbu li jwaqqfu kemm jista’ jkun malajr ‘kawżi vessatorji’. Mhux biss, iżda jkollom abilita’ li joħolqu fond finanzjarju b’appoġġ lill-gruppi tal-midja li jaffaċjaw kawżi bħal dawn. 

Barra minn hekk, l-MEPs ipproponew ukoll ħolqien ta’ reġistru ġdid tal-UE bl-isem ‘Name and Shame’. F’dan ir-reġistru jisemmew negozji, ditti u kumpaniji fost l-oħrajn, li jipprattikaw SLAPPs. 

(Ara d-diskussjoni hawn)

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Malta mhux weħidha fil-ġlieda kontra SLAPP

Diversi MEPs waqt id-diskussjoni semmew li waħda mir-raġunijiet li wasslu lill-MEPs biex jippromwovu tali regolamentazzjoni hija propju l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Meta kienet assassinata, hi kienet qed tiġi mfittxija mill-Bank Pilatus, istituzzjoni finanzjarja Maltija li spiss ikkritikat fl-artikli tagħha. Wara dan il-każ, f'April li għadda Malta dikriminalizzat l-malafama: madankollu, emendi anti-SLAPP ma kinux inklużi.

Kienu bosta MEPs li spejgaw li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu prova ċara li każ ta’ libell jew każ ta’ SLAPP jaf ma jiqafx hemm. Dan kollu juru li l-abbuż fuq ir-raba' pilastru tad-demokrazija hu iktar minn sempliċiment argument ikrah. Għal dan Metsola qalet li l-Parlament Ewropew qed jistinka biex ma jħallix dak li ġara f'Malta jiġri x'imkien ieħor. Metsola spjegat ukoll li l-leġiżlazzjoni proposta kontra l-SLAPP kienet waħda minn sensiela ta' miżuri biex tiżgura li l-ġurnalisti jkunu protetti aħjar.

Ma jfissirx iżda li għax il-mewt ta' Daphne Caruana Galizia iġġenera din id-diskussjoni kollha fuq SLAPPs allura Malta biss jinsabu każijiet bħal dawn. 

Il-ġurnalist Gordan Duhaček
Il-ġurnalist Gordan Duhaček

Il-Kroazja

Każijiet ta’ SLAPP immirati għall-ġurnalist Gordan Duhaček, ġurnalist għall-gazzetta online Index.hr, li ġie arrestat mill-pulizija. Hu ġie arrestat fl-ajruport ta’ Żagreb fis-16 ta’ Settembru 2019 meta kien qed jippjana li jitla’ fuq titjira għal vjaġġ uffiċjali.

L-akkużi kontrih kienu li “ppubblika kummenti offensivi dwar il-pulizija” fuq Twitter. L-arrest tiegħu kien qasir, u kellu bżonn iħallas biss ammont żgħir ta' multa għal waħda mir-rimarki tiegħu. Madankollu, l-arrest spettakolari ta’ dan il-ġurnalist u l-fatt li twaqqaf li jitlaq mill-pajjiż bħal bagħat sinjal ta’ biża’ għal ġurnalisti mal-Kroazja kollha.

Ftit xhur qabel l-arrest ta’ Gordan Duhacek, f’Marzu tal-2019, mijiet ta’ ġurnalisti ipprotestaw f’Zagreb. Din il-protesta kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Kroati (CJA). Huma pprotestaw kontra n-numru li qiegħed dejjem jikber ta’ każi ta' theddid kontra ġurnalisti individwali u kmamar tal-aħbarijiet. Il-protesta saret wara li l-kumpanija tax-xandir pubbliku Kroat, l-HRT stess ressqet 36 kawża kontra l-ġurnalisti tagħha stess, inkluż Hrvoje Zovko, il-president ta’ CJA.

Franza - Il-famuż każ tal- World Cup fil-Qatar

Fis-snin reċenti, il-Qatar wettaq programm vast ta' modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tiegħu u huwa mistenni li r-ritmu jaċċelera u n-nefqa timmultiplika hekk kif nersqu aktar lejn it-Tazza tad-Dinja tal-futbol. 

Dan il-każ beda meta *Sherpa, NGO Franċiża, akkużat lil kumpanija VINCI Construction Grand, li qed tħaddem ħaddiema fuq siti tal-kostruzzjoni b’kundizzjonijiet tax-xogħol u tad-djar li mhumiex kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem.

Il-proġetti VINCI Construction Grands, wieħed mill-mexxejja dinjija fl-inġinerija ċivili, huma stabbiliti madwar id-dinja. *Sherpa spjegat li matul investigazzjonijiet tagħhom f’Novembru tal-2014, hi tkellmet ma diversi ħaddiema. 

Dawn il-ħaddiema qalu li qed ikollhom jaħdmu ġimgħa xogħol ta' 66 siegħa, b’akkomodazzjoni skarsa u mgħammra ħażin fejn diversi persuni saħansitra jużaw kamra waħda bejnithom. Il-ħaddiema qalu wkoll lill-passaporti tagħhom ġew konfiskati filwaqt li jiġu mhedda b'tkeċċija jew ritorn lejn il-pajjiżhom f'każ ta 'protesta

Il-każ baqa’ għaddej sal-2018, b’VINCI Construction Grand takkuża lil *Sherpa b’malafama u titlob ammont enormi ta’ flus bħala kumpens. Dan kollu f’tama li mhux biss *Sherpa tieqaf tinvestiga l-każ f’Qatar iżda wkoll tieqaf topera. 

Il-ġurnalist Lirio Abbate
Il-ġurnalist Lirio Abbate

L-Italja

Lirio Abbate, ġurnalist Sqalli tal-ġurnal prominenti L'Espresso. Kien l-ewwel wieħed li ppubblika artikli kif ukoll ktieb dwar għanqbuta ta’ korruzzjoni u affarijiet relatati mal-mafja, li jaffettwaw ukoll politiċi attivi. 

Abbate kien taħt il-protezzjoni tal-pulizija wara li l-ktieb tiegħu ġie ppubblikat fl-2007, u nstabu żewġt irġiel iqegħdu bomba taħt il-karozza tiegħu. Huwa kien mhedded ukoll fl-awla mill-kap tal-mafja Leoluca Bagarella li kien ikkundannat 43 sena ħabs.

Abbate ġie mfittex ukoll għal libell minn Massimo Carminati.  Persuna famuża fil-mafja ta' Sqallija, li qabel kien membru ta’ grupp terroristiku u gang kriminali. Carminati ġie arrestat (b'36 persuna kompliċi) fl-2014 u akkużati bi frodi, ħasil ta’ flus, serq, u tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi, fil-fatt ġie kkundannat sa 20 sena priġunerija. Minkejja l-priġunerija ta’ Carminati, l-avukat tiegħu kompla jattakka u jwaqqa’ għaċ-ċajt lil Lirio Abbate fl-awla. 

Fl-4 ta' Novembru 2016, il-Qorti Ċivili ta’ Ruma ċaħdet il-kawża ta' libell kontra Abbate u ordnat lil Massimo Carminati jbati l-ispejjeż legali. Il-każ għandu xi elementi ta’ każijiet SLAPP: l-akkużi ta’ libell kontra Abbate kienu bla mertu, u l-kawża tidher li baqgħet sejra għal madwar erba' snin.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024