Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer għadu kemm ingħata żewġ ħatriet fil-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.
Negozjatur għall-immigrazzjoni legali tas-S&D
Engerer ġie maħtur bġala n-negozjatur tal-Grupp tas-Soċjalisti dwar l-immigrazzjoni legali lejn l-Unjoni Ewropea. Hu spjega kif “l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tindirizza b’mod konkret l-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’numru ta’ setturi u dwar kif se tiġbed lejha nies ta’ talent li qed jintilfu milli jersqu lejn l-Ewropa biex imorru f’ekonomiji oħra madwar id-dinja.”
Engerer qal li “fl-istess waqt irridu naraw li nrażżnu l-immigrazzjoni rregolari ta’ dawk li ma għandhomx dritt għall-ażil. Dan għaliex il-pajjiżi tal-periferija bħal Malta ma jifilħux għan-numru ta’ immigranti li jkunu qegħdin jaslu fl-ixtut tagħhom; kif ukoll għas-sigurta’ ta’ dawk li jkunu qegħdin jagħmlu dan il-vjaġġ perikoluż fuq dgħajjes mhux attrezzati biex jaqsmu dawn l-ibħra”.
L-MEP Laburista irrimarka li madwar l-Unjoni Ewropea kollha jeżistu numru ta’ labour gaps li jridu jiġu indirizzati sabiex l-ekonomija tkompli tikber. Bħala eżempju semma’ n-nuqqas ta’ infermiera li kellha Malta u kif bħala pajjiż irnexxielna, b’ħidma flimkien ma’ numru ta’ infirmiera minn barra l-Unjoni Ewropea, nkunu l-leaders Ewropej fil-ġlieda kontra l-panemdija.
Hu tkellem ukoll fuq il-fatt li l-popolazzjoni Ewropea hi l-iktar popolazzjoni li se tiċkien b’mod naturali fis-snin li ġejjin, hekk kif l-Ewropej huma l-inqas nies li qed ikollhom tfal mill-popli kollha madwar id-dinja. Popolazzjoni iktar anzjana għandha bżonn ħaddiema biex imantnu s-servizzi essenzjali, kif ukoll biex il-qafas soċjali jkompli għaddej.
Delegat tal-Parlament Ewropew fil-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ibħra tal-IMO
Intant, Engerer ingħata wkoll il-kariga ta’ wieħed miż-żewġ rappreżentanti tas-Soċjalisti għad-delegazzjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Ibħra tal-Organizazzjoni Marittima Dinjija, l-IMO.
Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, Engerer ħa rwol attiv fil-Kumitat tal-Ambjent jitkellem dwar l-importanza tal-ibħra, tema li ma kenitx qed tiġi diskussa biżejjed fil-Parlament Ewropew. “Għalina l-Maltin, l-ibħra huma sors importanti kemm għall-għixien tal-ekonomija tagħna, kif ukoll għar-rilassament ta’ kull wieħed u waħda minna. Irridu naraw li l-ibħra tagħna jiġu protetti,” temm jgħid Engerer.