Il-premju Sakharov - Ħames min-nies li bidlu pajjiżhom u lid-dinja
F’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Andrei Sakharov, il-gazzetta ILLUM tagħżel ħames rebbieħa favoriti tagħha tal-premju Sakharov, premju tal-Parlament Ewropew mogħti lill-ġellieda tad-drittijiet tal-bniedem.
minn Marianna Calleja
Qatt smajt bil-premju Sakharov? Jekk le, mela serraħ saqajk u prepara belgħa te għax l-istorja wara dan il-premju fiha naqra minn kollox. Rabja, dwejjaq, ferħ imma fuq kollox kuraġġ ta’ iljun.
Dan il-premju hu magħruf bħala l-Premju Sakharov iżda propjament jismu ‘l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb.’ Imsemmi għall-ixjentist, Andrei Sakharov, dan il-premju jonora individwi jew gruppi li ddedikaw ħajjithom għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-ħsieb.
Il-premju Sakharov ġie stabbilit f’Diċembru tal-1988 mill-Parlament Ewropew. Vera li dan il-Premju se jagħlaq 33 sena f’Diċembru li ġej iżda l-persuna li dan il-premju ġie msemmi għalih, fil-21 ta’ Mejju għalaq 100 sena.
Fl-għeluq iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Andrei Sakharov, il-Gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn uħud minn dawk li ġew mogħtija dan il-premju. Fil-fatt din il-gazzetta se tkun qed tħares lejn il-ħames eroj li f’ħajtek għandek tkun taf bihom żgur.
Nelson Mandela - 1988, Afrika ta’ Isfel
Deskritt bħala l-ikona fil-ġlieda kontra r-razziżmu, Nelson Mandela mexxa t-transizzjoni storika tal-Afrika ta’ Isfel li waslet għal demokrazija razzjali inklużiva filwaqt, li ppromwova opportunitajiet indaqs u paċi għal kulħadd.
Flimkien mad-dissident Sovjetiku Anatoli Marchenko, huwa kien l-ewwel benefiċċjarju tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew fl-1988. Dak iż-żmien Mandela kien għadu miżmum taħt arrest mir-reġim tal-Apartheid fl-Afrika ta’ Isfel. Ir-reġim kien ikkundanna lil Mandela għal 27 sena ħabs, għall-ġlieda tiegħu kontra r-razziżmu.
Mandela kien membru attiv tal-Kungress Nazzjonali Afrikan u ko-fundatur tal-ewwel ditta legali b’avuakti ta’ karnaġjon iswed fl-Afrika ta’ Isfel. Iktar kemm l-Apartheid kibret u aktar kemm saret oppressiva, Mandela iktar sar attiv u militanti.
Fil-fatt hu ġie kkundannat għall-għomru l-ħabs fl-1964 u finalment meħlus fl-1990, hekk kif ir-reġim tal-apartheid beda jċedi taħt pressjoni internazzjonali u domestika.
Ftit wara l-ħelsien tiegħu, Mandela tkellem mal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa ta' soluzzjoni ġusta biex l-Afrika ta' Isfel tiġi trasformata f’pajjiż magħqud u demokratiku. Anzi l-attivist kien insista li “kwalunkwe soluzzjoni inqas tkun insult għall-memorja tal-għadd ta’ patrijotti fl-Afrika ta’ Isfel u l-bqija tar-reġjun tagħna, li ssagrifikaw ħajjithom".
Fid-90ijiet, Mandela kompla jmexxi mhux biss bħala attivist iżda bħala President, mill-1994 sal-1999. Dejjem emmen li l-verità u r-rikonċiljazzjoni huma l-unika triq għall-paċi.
Il-mewt ta’ Nelson Mandela lura fl-2013 ġiet milqugħha b’niket kbir inkluż mill-Parlament Ewropew.
Leyla Zana - 1995, Turkija
L-ewwel mara Kurda li ġiet eletta fil-Parlament Tork, lura fl-1991. Leyla Zana dejjem kienet minn ta’ quddiem fil-ġlieda għad-demokrazija kif ukoll għad-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem.
Imwielda fl-1961, missierha kien bniedem konservattiv u pjuttost tradizzjonali tant li ppermettilha tattendi l-iskola elementari għal sena u nofs biss.
Fl-età ta’ 14 -il sena, hi sabet ruħha fi żwieġ isfurzat ma’ Mehdi Zana, li kien 20 sena ikbar minnha. Il-quddiem hu sar is-sindku ta’ Diyarbakir u aktar tard sar wieħed mill-priġunieri politiċi, konsegwenza tal-ħakma militari fit-Turkija, fit-tmeninijiet.
L-ewwel darba li Leyla Zana intbagħtet il-ħabs, kien propju wara l-arrest tar-raġel tagħha. Leyla Zana kienet il-ħabs għal xahrejn wara li mexxiet protesta minn familji li kienu projbiti milli jżuru lil qrabathom fil-ħabs. Hija tgħallmet it-Tork bħala riżultat taż-żjarat tagħha lil żewġha fil-ħabs, iżda malajr tgħallmet li l-forzi tas-sigurtà kienu vjolenti aktar lejn kull min jitkellem bil-Kurd.
Zana tgħallmet iktar minn sempliċi lingwa. Fl-età ta’ 23 sena, hi kisbet iċ-ċertifikati tal-iskola kemm primarja u sekondarja. Dan kollu wassalha biex fl-1991 hi tiġi eletta bil-kbir għall-assemblea Torka, iżda damet biss saċ-ċerimonja tal-ġurament.
Hija ħadet il-ġurament bil-Kurd waqt iċ-ċerimonja tal-ġurament tagħha, fi żmien meta li titkellem il-lingwa tal-Kurdi fil-pubblika kien għadu reat kriminali. Minħabba dan ġiet ikkundannata għal 15-il sena priġunerija għal tradiment u sħubija fil-Partit tal-Ħaddiema Kurdi (PKK).
Fl-1995, il-Parlament Ewropew taha l-Premju Sakharov bħala simbolu tal-ġlieda tagħha għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-poplu Kurd, imma ma setgħatx tiġbru għax kienet taħt arrest. Inħelset fl-2004 u kienet dik is-sena stess meta kkomunikat għall-ewwel darba mal-Parlament Ewropew.
Leyla Zana tibqa’ mfakkra għas-sehem tagħha fin-negozjati ta’ paċi bejn il-mexxej tal-PKK Abdullah Öcalan u l-Gvern Tork, fl-2013 wara tliet deċennji ta’ ġlied u kunflitti.
Kofi Annan - 2003, Stati Uniti tal-Amerika
Kofi Annan kien is-Segretarju Ġenerali tan-Ġnus Maqgħuda (UN). Waqt it-tmexxija tiegħu hu ħadem biex isaħħaħ rabtiet aktar b'saħħithom mas-soċjetà ċivili fit-tfittxija għall-għanijiet tagħha ta' paċi, ġustizzja u drittijiet tal-bniedem.
Il-Premju Sakharov li ingħata lil Annan, onora b'mod partikolari l-istaff tal-UN, li jaħdmu bla heda għall-paċi fid-dinja, ħafna drabi taħt kundizzjonijiet diffiċli. Il-premju ngħata wkoll b’tifkira speċjali ta’ Sergio Vieira de Mello. Dan kien il-Kummissarju tal-UN għad-Drittijiet tal-Bniedem li, waqt li kien qed iservi bħala r-rappreżentant speċjali ta’ Kofi Annan fl-Iraq, kien fost dawk li nqatlu f’attakk fuq il-kwartieri ġenerali tal-UN f’Bagdad fl-2003.
Fl-2005 Kofi Annan ippreżenta lill-Assemblea Ġenerali tal-UN rapport, li fih iddeskriva l-viżjoni tiegħu għal riforma komprensiva u estensiva tal-UN. Fost miżuri oħra dan irriżulta fil-ħolqien ta’ Kunsill ġdid tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jieħu post il-Kummissjoni l-antika dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
L-għan kien li jissaħħaħ il-makkinarju tal-UN għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u għat-trattament ta' delinkwenti ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem.
Fl-2007, wara li temm żewġ termini bħala Segretarju Ġenerali tal-UN, Annan sar involut f'diversi organizzazzjonijiet li jiffokaw fuq kwistjonijiet globali u Afrikani.
Mill-2013 sal-2018 huwa kien il-President ta’ ‘The Elders’, grupp ta’ mexxejja tad-dinja indipendenti mlaqqa’ propju minn Nelson Mandela. L-għan kien wieħed, li jaħdmu flimkien għall-paċi u d-drittijiet tal-bniedem.
Kofi Annan miet f'Awwissu tal-2018, fl-età ta’ 80 sena. Fi stqarrija wara mewtu, António Guterres, is-Segretarju Ġenerali attwali tal-UN, iddeskrivih bħala “forza ta' gwida għat-tajjeb.”
Ali Ferzat - 2011, ‘Rebbiegħa Għarbija’, Sirja
Ali Ferzat hu satirista politiku li dejjem imbutta l-konfini tal-libertà tal-espressjoni fis-Sirja. Ħafna minn xogħlu jikkritika r-reġim u l-forzi tas-sigurtà li minn dejjem waħxu lil poplu Sirjan.
Imwieled f'Hama, Sirja fl-1941, Ferzat ippubblika aktar minn 15,000 karikatura f'gazzetti Sirjani u internazzjonali. Rebaħ numru ta’ premijiet fosthom għall-karikaturi ta’ dittaturi bħal Saddam Hussein u Muammar Gaddafi waqt li ħakmu l-Iraq u l-Libja rispettivament.
Hekk kif ir-Rebbiegħa Għarbija laħqet is-Sirja fl-2011, Ferzat sar aktar dirett fl-attakki tiegħu fuq figuri tal-gvern, partikolarment il-President Bashar al-Assad. Il-poplu Sirjan saħansitra xejru l-karikaturi tiegħu fit-toroq fil-protesti tagħhom kontra r-reġim.
Wara l-publikazzjoni tal-karikatura ta' Assad jitla’ fil-karozza mad-dittatur Libjan Muammar Gaddafi, waqt li qed jaħrab b'veloċità kbira, Ferzat ġie attakkat fil-Pjazza Umayyad ta' Damasku.
Huwa ġie msawwat minn irġiel b’wiċċhom mgħotti, li deliberatament kissrulu jdejh waqt li għajtu miegħu biex jirrispetta lill-President Assad. Ftit mumenti wara hu tilef sensih bis-swat. Ferzat ġie marbut u mkaxkar fit-triq u wara tħalla fit-triq għall-mejjet.
Eventwalment Ferzat salva. Mhux biss irkupra l-użu ta’ jdejh, iżda kisser il-barriera tal-biża' biex sar wieħed mill-aktar kritiċi ħorox tar-reġim, kemm permezz ta’ kliemu kif ukoll bl-arti. Hu rebaħ l-premju Sakharov fl-2011.
Fl-istess sena Ali Ferzat żar Malta fejn ta bosta lezzjonijiet liż-żgħażagħ fl-MCAST, Istitut tal-Arti u l-Kreattività u anke fl-Universita ta’ Malta.
Dawn kienu organizzati mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Relazzjoni Internazzjonali u l-Istitut tal-Istudji Ewropej.
Malala Yousafzai | 2013, Pakistani
Fl-età ta’ 11 –il sena hi bdiet il-ġlieda tagħha għad-drittijiet tal-bniet għall-edukazzjoni u kontra l-estremiżmu Taliban fil-Pakistan.
Il-ġlieda ta’ Malala għall-edukazzjoni bdiet meta kitbet djarju anonimu dwar il-ħajja ta’ tifla tal-iskola taħt it-Taliban fil-Pakistan.
Fl-2009 it-Taliban iddeċidew li l-iskejjel kollha tal-bniet fil-Pakistan għandhom jagħlqu waqt li l-armata Pakistana ġġieldet magħhom għall-kontroll. Malala u l-familja tagħha ġew sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom.
Meta rritornaw lura s-sitwazzjoni tas-sigurtà kienet ħafna aħjar. Fil-fatt Malala u missierha Ziauddin, li hu stess kien imexxi skola tal-bniet, komplew jippromwovu l-edukazzjoni tal-bniet minkejja t-theddid. Malala u missierha xtraw vann li fih kienu jieħdu l-bniet l-iskola. Kien propju f’dan il-vann fejn Malala flimkien ma’ żewġ studenti oħra ġew attakkati u midruba fl-2012.
Sena wara, Malala ingħatat il-Premju Sakharov. Fl-2014 Malala ingħatat ukoll l-Premju Nobel għall-Paċi, “għall-ġlieda tagħha kontra t-trażżin tat-tfal u ż-żgħażagħ u għad-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni.” Dan għamilha l-iżgħar rebbieħa tal-Premju Sakharov kif ukoll tal-Premju Nobel.
Fl-2017, Malala rreġistrat bħala studenta fl-Università ta' Oxford, ir-Renju Unit. Hija użat il-flus mill-Premju Nobel biex fetħet skola għall-bniet f’belt twelidha fid-distrett Shangla fil-Pakistan.
Fetħet ukoll il-Fond Malala. Il-Fond Malala jappoġġja edukaturi lokali f'reġjuni fejn ħafna bniet qed jitilfu l-iskola.
Min hu Sakharov?
Dmitrievich Sakharov twieled Moska fil-21 ta' Mejju tal-1921. Missieru kien għalliem magħruf tal-fiżika u l-awtur ta' kotba u xogħlijiet xjentifiċi.
Hu xtaq jimxi wara l-passi ta’ missieru u fl-1938, daħal fl-Università tal-Istat ta’ Moska, jistudja fil-Fakultà tal-Fiżika. Wara li ġie evakwat fl-1941 matul il- "Gwerra Patrijottika l-Kbira", huwa ggradwa f'Ashkhabad fl-1942.
Huwa rritorna Moska fl-1945 biex jistudja fid-Dipartiment Teoretiku u rċieva d-dottorat fl-1947. Sena wara, Sakharov mexxa riċerka, flimkien ma’ sieħbu l-fiżiku Sovjetiku Igor Tamm, dwar fużjoni nukleari.
Dan ix-xogħol eventwalment wassal għall-ħolqien tal-ewwel bomba tal-idroġena Sovjetika.
Jekk qed tistaqsi lilek innifsek: Allura l-Parlament Ewropew semmew premju wara persuna li ħoloq arma li kapaċi toqtol kull ħlejqa fuq din id-dinja minn barra wirdiena? Ir-risposta hi mhux eżattament.
Sakharov iddispjaċih li l-arma li kien ħoloq hu kienet se twassal għal ħafna ħsara. Sakharov kien kontra l-proliferazzjoni nukleari u pprotesta kontra l-ittestjar atmosferiku tal-bomba tal-idroġenu fl-1961. Huwa kellu rwol fit-Trattat tal-Projbizzjoni Parzjali tat-Test tal-1963, iffirmat f'Moska. Fl-1965, huwa rritorna għax-xjenza fundamentali u beda jaħdem fuq il-kożmoloġija, iżda kompla jopponi d-diskriminazzjoni politika.
Hu tħabat matul l-aħħar 20 sena ta’ ħajtu biex isalva l-istat Sovjetiku mill-mostru li ħoloq hu stess. Madankollu, l-istat qatt ma ta attenzjoni għall-preokkupazzjonijiet tiegħu għall-futur tal-Unjoni Sovjetika. Anzi ddubita il-patrijottiżmu tiegħu u arrestatu.
L-istat ma kellu l-ebda idea tal-prezz li kien se jkollu jħallas fil-futur.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.