Bil-mod ta’ kif id-dinja qegħda tipprogressa diġà konna qed naraw tibdil f’dik il-familja li qabel konna nsejħulha tradizzjonali. Wara bdejna naraw bidla fl-irwol tal-mara u r-raġel fil-familja wkoll. Imbgħad faqqet il-pandemija u jitkaxkru warajha ġew il-lockdowns u l-kwarantina. Dawn kollha biddlu l-istruttura tal-familji u saħansittra anke l-irwoli tal-ġenituri fil-ħajja ta’ uliedhom.
Dan kollu ġie innutat mill-Parlament Ewropew li f’rapport ġabar riżultati ta’ studju li sar fuq ħames pajjiżi; l-Italja, Franza, Ġermanja, Polonja u l-Iżvezja.
Wara li l-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM spjegat fid-dettall il-kunċett tal-’hi-ċessjoni’, issa jmiss li tagħti ħarsa lejn il-proviżjonijiet taċ-childcares f’dawn pajjżi.
X’jinkludi r-rapport?
L-għeluq tac-childcares u l-iskejjel kienu biss ċ-ċirasa fuq it-torta. Fost l-implikazzjonijiet li ħallew il-lockdowns u l-kwarantina fuq il-familji Ewropej insibu, tibdil fid-dmirijiet tal-ġenituri, żbilanċ bejn sorveljanza fuq t-tfal u xogħol tad-dar u iktar. Ġie nnutat li n-nisa kienu li sofrew l-iktar dak kollu li ġab miegħu dan l-iżbilanċ.
L-Unjoni Ewropea sabet li madwar l-istati membri Ewropej fil-bidu tal-pandemija, nisa qattgħu medja ta’ 62 siegħa fil-ġimgħa jieħdu ħsieb it-tfal u 23 siegħa jagħmlu x-xogħol d-dar. Min-naħa l-oħra l-irġiel qattgħu medja ta’ 36 siegħa fil-ġimgħa jieħdu ħsieb id-dar u 15-il siegħa jagħmlu xogħol tad-dar.
Ir-rapport fil-fatt jinsisti li dan il-mudell juri biċ-ċar id-differenza fl-irwoli fid-djar ewropej, iżda rrikonoxa li din mhux xi aħbar ġdida jew unika għall-pandemija.
Ċentri ta’ childcare għal kull mitt tifel u tifla
Għal dan ir-rapport, l-UE ikkalkulat kemm hemm ċentri ta’ childcare għal kull mitt tifel u tifla. Il-provvediment ta’ dawn iċ-ċentri jvarja bejn l-Istati Membri. F'dak li għandu x'jaqsam ma' età, l-età li dawn iċ-ċentri ġeneralment jaċċettaw hi bejn ftit xhur sa tlett snin. Wara tlett snin it-tfal għandhom ikunu rreġistrati fil-primarja obbligatorja.
Il-provvediment ta’ dawn il-postijiet huwa l-iktar skars fil-Polonja, b’medja ta’ 13.8-il ċentru ta' childcare għal kull 100 tifel u tifla. Mill-istudji tal-każijiet kollha li saru fuq il-Polonja, ġie żvelat li 20% tat-tfal lanqas biss qed jattendu l-kindergarten.
Omm fil-Polonja ġeneralment trid tieħu ħsieb tat-tfal sakemm huma jkunu lesti biex jibdew l-iskola primarja. Din in-norma ilha minn qabel il-pandemija u huwa għalhekk li l-Gvern ma jaħsibx biex jgħin lil omm toħroġ taħdem.
Fil-każ tal-Italja ir-rapport jgħid li dan il-pajjiż hu eżempju ċar ta’ inugwaljanza reġjonali. Dan għaliex fl-Italja l-provvediment ta’ childcares hu ta’ 25 childcare għal kull mitt tifel u tifla. Minkejja dan, il-provvediment jvarja skont ir-reġjuni, bl-ibliet bħal Firenze u Ruma li jgħoddu b'aktar minn 40 post għal kull 100 tifel u imbagħad bliet bħal Palermo li għandhom inqas minn 10 ċentri għal kull 100 tifel u tifla.
Ir-rapport isemmi wkoll kif nisa li jagħmlu użu minn childcare fl-Italja ġeneralment ikollhom xogħol tajjeb u li jitħallsu tajjeb ferm. Dan iwassalhom li jkunu jifilħu finazjarjament għal spiża ta’ childcare u jkompli jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-karriera tagħhom għax ikollhom moħħhom mistrieħ li t-tfal qegħdin siguri.
L-Iżvediżi qegħdin l-aħjar bejn dawn l-ħames pajjiżi b’100 ċentru ta’ childcare għal kull 100 tifel u tifla. Differenza kbira bejn dan il-pajjiż u l-erbgħa l-oħra hi li l-iskejjel fl-Iżvezja qatt ma għalqu fil-pandemija.