Il-Membru Parlamentari Malti, Alfred Sant, kien wieħed mill-parteċipanti fid-dibattitu konġunt dwar it-tħejjija tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta’ Ġunju u t-tnedija mill-ġdid tad-dikjarazzjoni ta’ Malta dwar il-migrazzjoni. Id-diskors ta' Sant iffoka fuq is-solidarjetà dwar il-migrazzjoni bejn l-Istati Membri li skont hu għadha limitata.
L-Ewroparlamentari Laburista qal li "ħafna għadhom jinjoraw li l-migrazzjoni irregolari hija problema tal-UE u li għandha tkun indirizzati fuq livell Ewropew. Filwaqt li kien qed jindirizza l-użu tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà effettiv għall-migrazzjoni, Alfred Sant qal li l-emerġenza tal-migrazzjoni ilha għaddejja għal żmien twil wisq u li hemm bżonn ta’ riżultati tanġibbli b’mod urġenti.
Sant fakkar is-summit tal-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni li ġab flimkien mexxejja Ewropej u Afrikani lura fl-2015. F'dan is-summit, huma qablu li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari, itejbu l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni legali, u jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari.
"Il-mexxejja wegħdu li jerfgħu responsabbiltà komuni b'mod ġust bejn il-pajjiżi ta’ oriġini, dawk ta’ transitu kif ukoll ta’ destinazzjoni. Madankollu, ħames snin wara, in-nofsinhar tal-Ewropa għadu qed jiffaċċja piż sproporzjonat permezz ta’ migrazzjoni irregolari u talbiet għal protezzjoni umanitarja", qal Alfred Sant.
Hu temm id-diskors tiegħu jgħid lill-Kunsill Ewropew li, l-ewwel li jrid jagħmel hu li, "jitratta l-għeruq tal-immigrazzjoni irregolari. It-tieni, jirranġa s-sistema attwali lejn struttura permanenti u proporzjonata ta' allokazzjoni għal dawk li jfittxu ażil."