B’378 vot favur, 255 kontra u 42 astensjoni, il-plenarja tiddikjara li d-dritt għas-saħħa, b’mod partikolari d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttivi (SRHR), huma pilastru fundamentali tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Il-Parlament Ewropew iddikjara li l-vjolazzjonijiet tal-SRHR tan-nisa huma forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u jfixklu l-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk talbu lill-pajjiżi tal-UE biex jiżguraw li n-nisa jiġu offruti SRHR ta' kwalità għolja, komprensiva u aċċessibbli, u biex ineħħu l-ostakli kollha li jimpedixxuhom milli jużaw dawn is-servizzi.
Adottat nhar il-Ħamis, ir-rapport jittratta dak kollu li għandu x'jaqsam mas-saħħa, id-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa. Fost is-suġġetti li ġew diskussi u li se jolqtu lil pajjiżna insibu dawn li ġejjin.
Prodotti mestrwali huma oġġetti bażiċi essenzjali
L-MEPs bdew billi indikaw l-effetti negattivi tal-hekk imsejħa taxxa tat-tampun fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi. Hawn, numru ta' MPEs talbu lill-istati membri jagħmlu użu mill-flessibilità introdotta fid-Direttiva tal-VAT u japplikaw eżenzjonijiet jew rati ta’ 0% tal-VAT għal dawn l-oġġetti bażiċi essenzjali. Huma talbu wkoll lill-pajjiżi tal-UE biex jindirizzaw il-faqar mestrwali billi jipprovdu prodotti tal-perjodu bla ħlas lil kull min għandu bżonn.
Il-gazzetta ILLUM ftit xhur ilu żvelat li Mara f’Malta qed tħallas €378.24 f'taxxa tat-tampun. Fid-dawl ta' dan il-gazzetta kienet ukoll tkellmet mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar fuq x’inhu jagħmel il-Gvern rigward dan kollu.
Aċċess għall-kontraċezzjoni u edukazzjoni dwar is-sesswalità
Barra minn hekk, il-Kamra talbet li l-pajjiżi tal-UE jiżguraw firxa ta' metodi u provvisti ta' kontraċezzjoni ta' kwalità għolja u informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni kif ukoll terapija għall-familji.
Il-Parlament ħeġġeġ lill-istati membri biex jiżguraw li l-edukazzjoni dwar is-sesswalità tiġi mgħallma b’mod komprensiv lit-tfal tal-iskola primarja u sekondarja, bit-tama li l-edukazzjoni tal-SRHR tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tnaqqas il-vjolenza u l-abbuż sesswali.
Aċċess għall-abort
Il-MPE jenfasizzaw li xi stati membri għad għandhom liġijiet restrittivi ħafna li jipprojbixxu l-abort ħlief f'ċirkostanzi definiti b'mod strett, li jġiegħlu lin-nisa jfittxu abort klandestin jew iġorru t-tqala tagħhom għal terminu kontra r-rieda tagħhom, li huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Huma ħeġġew lill-istati membri kollha biex jiżguraw aċċess universali għal abort sigur u legali, u jiggarantixxu li l-abort fuq talba jkun legali fil-bidu tat-tqala, u lil hinn jekk is-saħħa tal-persuna tqila tkun fil-periklu.
B'dispjaċir bosta MEPs stqarrew li xi stati membri jippermettu lill-prattikanti mediċi, u anke istituzzjonijiet mediċi, jirrifjutaw san is-servizz tas-saħħa minħabba l-hekk imsejħa klawsola ta' kuxjenza. Dan ifisser ċaħda tal-abort fuq il-bażi ta’ reliġjon jew kuxjenza u skont huma qiegħed ipoġġi ħajjet in-nisa fil-periklu. Fost dawn il-pajjiżi li rreferew għalijhom l-MEPs insibu l-Polonja u l-Malta.
L-MPEs fakkru wkoll li l-aċċess għall-abort kompla kien limitat matul il-kriżi tal-COVID-19.
Il-gazzetta ILLUM diġà għamlet analiżi tal-liġi tal-abort madwar xi pajjiżi tal-UE, fejn ġie rraportat li Malta tibqa’ l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li tipprojbixxi l-abort f’kull ċirkostanza anke jekk il-mara tkun fil-periklu li titlef ħajjitha.
Aqra wkoll: