L-MEP Olandiża Tineke Strik titlob għar-riżenja jew tkeċċija tad-direttur tal-aġenzija Frontex

Is-sena li għaddiet Frontex kienet akkużata li qiegħda ġġiegħel lil dawk li jfittxu l-ażil fl-UE biex jirritornaw lura f'pajjiżhom

L-MEP Orlandiża mill-partit tal-Ħodor talbet li d-direttur tal-aġenzija Frontex, Fabrice Leggeri, jirriżenja jew jitkeċċa. B'diżżapunt hi spjegat li l-Unjoni Ewropea m'għandniex iktar fiduċja fih u temmet tgħid li jkun tajjeb jekk il-bord jasal għall-istess konklużjoni u jibda t-tfittxija għal direttur eżekuttiv ġdid.

Frontex saret pilastru ċentrali tal-fruntieri tal-UE. Wara li aktar minn 1.2 miljun persuna fittxew ażil fl-UE fl-2015, il-mexxejja Ewropej qablu li jagħtu lil din l-organizzazzjoni bbażata f'Varsavja aktar persunal u flus. Sal-2027, il-Frontex se jkollha 10,000 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, filwaqt li l-baġit tagħha diġà żdied aktar minn 19-il darba mill-ħolqien tagħa lura fl-2006. Minkejja dan l-aġenzija ġiet taħt skrutinju li dejjem qiegħed jikber dwar l-irwol tagħha fl-allegati pushbacks fil-Baħar Eġew, b’għexieren ta’ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jitolbu li din l-aġenzija titneħħa kompletament.

Is-sena li għaddiet Frontex kienet akkużata li qiegħda ġġiegħel lil dawk li jfittxu l-ażil fl-UE biex jirritornaw lura f'pajjiżhom, dan bi ksur tal-liġi internazzjonali. Wara ħarġu filmati ta' wieħed mill-vapuri tagħha joħolqu mewġ li mbutta lura dingy mimli nies, fil-Baħar Eġew. Dak il-filmat wasal permezz ta’ investigazzjoni konġunta minn Lighthouse Reports, Bellingcat, Der Spiegel, ARD u TV Asahi, li qalu li sabu sitt inċidenti fejn l-aġenzija kienet involuta direttament fi pushback fl-Eġew jew fil-viċinanza.

Permezz tar-rapport li ġie preżentat illum fi Brussel, il-kumitat ammetta li ma sabx "evidenza konklużiva" li l-aġenzija kienet involuta fi pushbacks iżda xorta kkonkludiet li l-Frontex naqset milli tinvestiga rapporti bħal dawn. Fil-fatt ir-rapport qal li "Frontex ma pprevenietx dan il-ksur, u lanqas naqqset ir-riskju li ksur bħal dan ma jerġax isir fil-futur." 

Hawn fejn it-tort waqa' fuq id-direttur tal-aġenzija Frontex, Fabrice Leggeri. Apparti l-allegazzjonijiet, l-MPEs sabu li Leggeri ħatar 63 impjegat fl-uffiċċju privat tiegħu, numru li jaqbeż sew il-medja. B'kuntrast, Ursula von der Leyen, il-president tal-Kummissjoni Ewropea, għandha 30 impjegat fl-uffiċċju privat tagħha.

Dan kien biss ftit minn dak kollu li intqal fil-laqgħa tal-Kumitat Ewropew għal Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni li kienet parzjalment dedikata għall-investigazzjoni kontra Frontex. Il-Kumitat investigattiv hu mmexi mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola u hu nkarigat li jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, Frontex.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024