"L-Unjoni Ewropea għandha tibda titkellem maċ-Ċina dwar sfidi globali bħal bidla fil-klima u kriżijiet tas-saħħa - filwaqt li tqajjem iżda aktar għarfien dwar ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem."
F'rapport adottat ix-xahar li għadda bi 58 vot favur, tmienja kontra u erba' astenjonijiet il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin jissottolinea sitt pilastri li jgħid illi fuqhom l-UE għandha tibni strateġija maċ-Ċina: Kooperazzjoni fuq sfidi globali, diskussjonijiet dwar normi internazzjonali, drittijiet tal-bniedem, identifikazzjoni tar-riskji u l-vulnerabilitajiet, awtonomija strateġika u d-difiża tal-valuri u l-interessi Ewropej.
Ir-rapport approvat jipproponi l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fuq sfidi globali differenti bħad-drittijiet tal-bniedem, bidla fil-klima, diżarmament nukleari, il-ġlieda kontra kriżijiet ta' saħħa u riformi. Huma saħqu wkoll li l-UE għandha ttejjeb l-ħidma fil-konfront ta' epidemiji u pandemiji, per eżempju sistema ta' moniteraġġ u ta' twissijiet kmieni.
Qed jitolbu wkoll investigazzjoni indipendenti dwar l-oriġini u l-imxija tal-Covid-19.
L-MEPs qed jisħqu dwar l-importanza strateġika tar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina imma dejjem jagħmluha ċara li ftehim komprensiv ma jistax jibda qabel ma jitneħħew sanzjonijiet Ċiniżi kontra l-MEPs u l-UE.
Il-membri ta' dan il-kumitat sejħu lill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew biex imexxu 'l quddiem ftehim ta' investiment mat-Tajwan.
Il-Parlament Ewropew jisħaq għal djalogu u azzjoni kontra ksur ta' drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina
Huma iżda ikkundannaw bil-qawwa il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u sejħu għal djalogu bejn iż-żewġ kontinenti fuq introduzzjoni ta' tragwardi li jikkalkulaw is-suċċess speċjalment ta' ksur ta' drittijiet f'Xinjiang, il-Mongolja, Tibet u Hong Kong. Huma innutaw b'dispjaċir dawk li sejħu "koerżjoni" kontra kumpaniji Ewropej li waqqfu l-fornitura ma' Xinjiang fuq tħassib ta' abbużi fuq il-post tax-xogħol fir-reġjun.
Qed isejħu lill-UE biex tipprojbixxi kumpaniji involuti f'abbużi f'Xinjiang u li qed joperaw fl-Unjoni Ewropea.
Il-Membri Parlamentari Ewropej saħqu li hemm bżonn jiġu żviluppati standards għal teknolopiji bħal 5G u 6G u kumpaniji li ma jilħqux l-istandars jiġu esklużi.
Finalment ir-rapport jappella biex il-European External Action Service jindirizza dik li sejħu "diżinformazzjoni Ċiniża".
F'kummenti l-MEP u r-rapporteur Hilde Vautmans mir-Renew Europe fakkret illi ċ-Ċina hija sieħeb "ma' min irridu nkomplu bi djalogu u kooperazzjoni - imma UE li tippożizzjona lilha nnifisha bħala forza ġeopolitika ma tistax tnaqqas mill-influwenza Ċiniża fuq id-dinja, lanqas il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu f'dan il-pajjiż."
Vautman qalet illi wasal iż-żmien li l-UE tingħaqad wara politika "aktar assertiva" dwar iċ-Ċina.