Minkejja li kważi wieħed minn kull ħames Maltin jaħseb li t-tibdil fil-klima hi sfida serja, it-tixrid tal-mard kien iktar ta’ prijorità għall-Maltin. Dan ħareġ fi stħarriġ speċjali li sar permezz tal-Eurobarometer mill-Kummisjoni Ewropea.
Oriġinarjament dan l-istħarriġ seħħ esklussivament fuq it-tibdil fil-klima biex il-Kummisjoni stess tkun taf aħjar x’jaħsbu l-Ewropej fuq it-tibdil innifsu, it-tmexxija ambjentali u fuq kollox jekk in-nies humiex lesti jieħdu l-passi tal-bidla.
Wieħed minn kull ħames Maltin, jaħseb li t-tibdil fil-klima hi l-iktar problema serja globalment
Dan l-aħħar iktar minn qatt qabel qed ninnotaw iktar materjal kemm fil-ġurnali u anke fuq il-midja soċjali relatat mat-tibdil fil-klima. Sa ftit snin ilu kien hawn bosta nies li kienu jgħidu li dan il-fenomenu hu biss ħrafa minn xi ktieb tal-istejjer tal-fantażija iżda issa li qed nesperjenzaw it-tibdil fiżikament, ma tantx baqa’ min hu xetiku.
Fejn qabel konna nisimgħu b’għargħar lejn pajjiżi Asjatiċi u nirien fl-Awstralja, issa qed nismgħu b’għarar f’nofs l-Ewropa, vulkan bħal Etna li ma jridx jieqaf jiżbroffa u nirien f’pajjiżi differenti. Dan kollu f’inqas minn sena!
Dawn id-diżastri naturali kollha mmotivaw ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ fejn ħareġ li disgħa minn kull 10 Ewropej (93%) jemmnu li t-tibdil fil-klima hija problema serja filwaqt li 78% jgħidu li hija problema serja ħafna. Intant kważi wieħed minn kull ħames Ewropej jaħsbu li t-tibdil fil-klima hi l-iktar problema serja li qed tiffaċja id-dinja globalment. Din hija l-ewwel darba li t-tibdil fil-klima hija kkunsidrata bħala problema serja aktar minn sfidi globali l-oħra.
Il-Maltin kellhom l-istess ħsieb għax 19% ta’ dawk li pparteċipaw iqisu t-tibdil fil-klima bħala l-aktar problema serja li qed taffaċja id-dinja bħalissa. Madankollu it-tibdil fil-klima hi kkunsidrata bħala t-tieni l-iktar problema serja għal Maltin hekk kif l-isfida tat-tixrid tal-mard kienet l-ewwel prijorità (29%, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 17%). 11 –il pajjiż ieħor ħasbuha l-istess bħal Maltin u l-prijorità tagħhom kienet it-tixrid tal-mard infettiv, fosthom insibu lill-Italja u l-Awstrija. Dan wassal biex it-tixrid tal-mard tela’ għat-tieni post ikkumparat mas-sena ta’ qabel li kien fit-tmien post. Sintendi dan hu riżultat tal-pandemija li ħakmet lid-dinja mill-2019 ‘l hawn.
Biex inkunu għidna kollox, il-mistoqsija nnifisha ġiet modifikata wkoll fl-2019, bl-introduzzjoni ta’ tliet punti ġodda: deterjorament tan-natura, deterjorament tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u problemi ta' saħħa minħabba t-tniġġis.
B’dan f’moħħna, il-Maltin irriżulta li huma l-aktar poplu li jinkwieta fuq problemi tas-saħħa kkawżati mit-tniġġiż b’10%. Fil-fatt din l-isfida tikklassifika bħala t-tielet l-iktar sfida inkwetanti għal poplu Malti.
Warajha bl-istess persentaġġ ta’ 9% hemm l-isfidi ekonomiċi u l-qerda tan-natura. Il-ħames problema li l-Maltin jinkwetaw fuqha hi t-tnaqqir tad-demokrazija u l-istat tad-dritt (7%).
Dawn il-ħames sfidi, kif jista’ wieħed faċilment jinnota, jiġbru bejn wieħed u ieħor il-kontenut kollu li jiġi diskuss fuq il-mezzi tax-xandir, ġurnali u l-midja soċjali Maltin. Fil-fatt sfidi oħra li għal Maltin huma “xi ħaġa ta’ barra” ma ngħatawx daqshekk importanza. Dan nistgħu narawh kemm fl-armi nukleari, fit-terroriżmu u fil-kunflitti bl-armi, li kollha ġew fl-aħħar tal-istatistika b’ 1% tal-Maltin biss jinkwietaw fuqhom.
Tliet kwarti tal-Maltin jemmnu li l-Gvern hu responsabli biex jittratta t-tibdil fil-klima
Meta dawk li wieġbu ġew mitluba jidentifikaw min fi ħdan l-UE huwa responsabbli biex jittratta t-tibdil fil-klima, tliet kwarti tal-Maltin (75%) qalu li l-Gvern hu responsabbli ta’ dan, filwaqt li 79% iħossu li mhux jagħmlu biżżejjed.
Madankollu, aktar minn nofs il-Maltin jammettu li huma responsabbli personalment biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima (52%, imqabbla mal-medja tal-UE ta’ 41%). Kienu 74% tal-Maltin li skont is-stħarriġ ħadu azzjoni biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima f’dawn l-aħħar sitt xhur (ogħla mill-medja tal-UE ta’ 64%).
Ftit informazzjoni dwar stħarriġi speċjali tal-Eurobarometer
L-istħarriġ sar f’27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea bejn il-15 ta' Marzu u l-14 ta' April 2021. Kważi 30,000 ċittadin tal-UE minn kategoriji soċjali u demografiċi differenti ġew intervistati wiċċ imb'wiċċ jew online fil-lingwa nattiva tagħhom f'isem id-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika.
Stħarriġ speċjali tal-Eurobarometru hu studju profond rilevanti għall-ġrajjiet kurrenti tal-istituzzjonijiet Ewropej. Dawn jistgħu jvarjaw, pereżempju, minn suġġetti bħall-bidla fil-klima għal kwistjonijiet soċjali, kwistjonijiet ta’ sigurtà online jew diskriminazzjoni. Stħarriġ speċjali bħal dan jitwettaq l-aktar fl-Istati Membri ta' l-UE għal kuntrarju ta’ stħarriġ ieħor.