Il-partit tal-fundaturi, b'għeruq kristjani u aċċenn fuq l-immigrazzjoni u l-għeruq Ewropej!
Fit-tieni parti ta' dan l-artiklu se nagħtu ħarsa lejn il-Paritit Popolari Ewropew, il-partit li minnu ħarġu Schuman u De Gasperi u li jsib għeruq fondi fil-politika Kristjan-Demokratika...
minn Albert Gauci Cunningham
Wara li l-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta tat ħarsa lejn l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi, illum se nagħtu ħarsa lejn il-Partit Popolari Ewropew (PPE)- jiġifieri l-partit fil-Parlament Ewropew li fi ħdanu hemm l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista Maltin Roberta Metsola u David Casa.
X'inhi l-istorja ta' dan il-partit?
L-istorja ta' dan il-grupp imur lura għal wara t-Tieni Gwerra Dinjija - fl-1946 - meta partiti ewropej Kristjan-Demokratiċi kienu ffurmaw in-Nouvells Equippe Internationales. Din kienet imwaqqfa b'mod uffiċjali fl-1947 f'Chaudfontaine u fi ħdanha kien hemm uħud mill-fundaturi tal-Unjoni Ewropea, mhux l-inqas Robert Schuman, Georges Bidault u Alcide De Gasperi. Twaqqfet mill-Partit Popolari Franċiż ta' Robert Bichet u kellha bħala għan - fost oħrajn - li jkun imblukkat il-Komuniżmu ta' Stalin, dak iż-żmien fl-aqwa saħħa tiegħu. Minn hemmhekk imbagħad twieldet l-idea ta' unjoni ta' pajjiżi li jiddefendu l-valuri kristjani, quddiem it-theddida Komunista!
Fl-1976 twaqqaf b'mod uffiċjali il-partit, li kien stabbilit bl-istess isem li għandu llum u l-ewwel membri tiegħu kienu partiti fil-Belġju, l-Irlanda, Ġermanja, Franza, Lussemburgu u l-Olanda bil-PM Belġjan Leo Tindemans ikun l-ewwel President.
Fl-1999 l-PPE ingħaqad mal-Kristjan Demokratiċi tal-Unjoni Ewropea (EUDC) u minn dakinhar fil-fatt (kif irrapportajna l-ġimgħa l-oħra) sar l-akbar partit fil-Parlament Ewropew hekk kif kiseb l-akbar numru ta' siġġijiet f'kull elezzjoni. Minkejja iżda li baqa' l-akbar partit f'dan il-Parlament il-perċentwal ta' siġġijiet li jokkupa fih baqa' dejjem nieżel, hekk kif partiti iżgħar komplew jikbru.
Fl-1999 l-EPP kiseb 232 siġġu (37%), fl-2004 kiseb 268 (36.6%), fl-2009 265 (36%), fl-2014 221 (29%) u fl-2019 182 (24.2%).
Żviluppi interessanti u xi ftit jew wisq mqallba kien hemm, sa dan l-aħħar stess meta l-partit li jmexxi l-PM Ungeriż Orban (Fidesz) tkeċċa minn ma' dan il-grupp minħabba ksur serju tas-saltna tad-dritt u liġijiet kif ukoll kummenti kontroversjali dwar diversi suġġetti, primarjament persuni LGBTIQ u immigranti.
Illum l-EPP għandu maġġoranza fil-Kummissjoni Ewropea wkoll bil-President fil-fatt - Ursula Von Der Leyen - tkun mill-EPP.
L-EPP u l-immigrazzjoni!
L-Immigrazzjoni hija kwistjoni taħraq li ilha tiġi diskussa lokalment u madwar l-UE. Sa din is-sena stess sar dibattitu li matulu MEPs tal-PPE ma qagħdux lura milli jikkritikaw lill-Kummissjoni Ewropea talli dwar din il-kwistjoni jingħad ħafna kliem imma jsir ftit li xejn. Fosthom l-MEP tal-EPP Jeroen Lenaers li kien appella biex jieqaf "il-paroli vojt" u tibda l-azzjoni fuq il-kwistjoni.
Imma l-EPP x'qal fil-programm elettorali tiegħu tal-2019? Jgħid illi filwaqt li ħadd ma għandu jidħol fl-UE mingħajr il-permess tal-awtoritajiet minn qabel, il-partit juri rispett u "għandna nassumu r-responsabilità kristjana u umanitarja tagħna li ngħinu lil dawk fil-bżonn."
L-EPP wiegħed 10,000 uffiċjal ġdid li jaħdmu mal-gwardja tal-fruntieri u l-kosta ewropea (Frontex) u wegħdu li din tingħata l-aħħar teknoloġija, inkluż drones "sabiex jitwaqqaf in-negozju ta' traffikar tan-nies." Fl-2015, il-mexxejja Ewropej qablu li jagħtu lil din l-organizzazzjoni bbażata f'Varsavja aktar persunal u flus. Sal-2027, il-Frontex se jkollha 10,000 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, filwaqt li l-baġit tagħha diġà żdied b'aktar minn 19-il darba mill-ħolqien tagħa lura fl-2006.
Interessanti wieħed ifakkar li l-MEP Maltija u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mexxiet kumitat li evalwa l-ħidma tal-Frontex.
L-EPP kien wiegħed għajnuna lill-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u ftehim sabiex anke huma jiffurmaw gwardja mal-kosta, "biex nipprevjenu it-tluq ta' immigranti mal-kosta Mediterranja." Huma qalu li dan għandu jsir fuq l-istess linji tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija li jgħidu illi kien "suċċess" hekk kif il-wasliet ta' immigranti (l-aktar Sirjani) lejn il-Greċja naqsu b'96%.
L-EPP jisħaq li modi legali ta' kif immigrant jidħol fl-UE għandha tkun biss għal dawk li ħaqqhom protezzjoni.
Xi ħaġa li l-EPP jiddeskrivi bħala priorità hija database għat-teħid tal-marki tas-swaba (Eurodac) tal-immigranti madwar l-UE kollha u dan sabiex jekk ikun hemm bżonn, ir-ritorn tagħhom lejn pajjiżhom ikun iffaċilitat.
L-EPP kien ressaq ukoll numru kbir ta' proposti biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u l-Iżlamiżmu estrem, fosthom li l-UE tikkunsidra r-relazzjoni politika u diplomatika tagħha ma' pajjiżi li jippropmovu u jiffinanzjaw it-terroriżmu, kif ukoll miżuri kontra t-tixrid tal-estermiżmu f'moskej madwar l-UE. Dwar din il-materja l-EPP ressaq riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew lura fl-2017.
L-EPP u viżjoni ta' middle class!
Iva, din tal-middle class ġdida smajniha ftit mhux ħażin hawn Malta fl-2013 mill-eks PM Joseph Muscat. Imma din ma għandhiex x'taqsam miegħu u max-xena lokali.
L-EPP tinnota - fil-programm elettorali tal-2019 - li l-prezzijiet tal-proprjetà u tal-kirjiiet qed jiżdiedu b'rata "iktar mgħaġġla mid-dħul tal-familji." Ifakkru wkoll li minħabba diversi kriżijiet tal-aħħar snin (mhux l-inqas issa bil-Covid-19) il-piż tat-taxxa fuq il-familji żdied u llum diversi żgħażagħ qed jibżgħu li se jgħixu agħar, mhux aħjar mill-ġenituri tagħhom.
Għalhekk l-EPP qed jisħaq li hu jappoġġja l-viżjoni "li nirrestawraw il-middle class bħala komponent ewlieni tas-soċjetà." Il-partit jgħid li dan jista' jsir billi jitnaqqsu t-taxxi fuq l-impjieg sabiex ikun stimultat it-tkabbir ekonomiku u l-investiment!
L-EPP u l-effetti Covid-19!
Fl-1 ta' Frar 2021 il-Partit Popolari Ewropew ressaq Position Paper 'The Future of Europe: Lessons to be learned from the Corona crisis' li fiha għamel diversi proposti dwar oqsma differenti li ġew affetwati mill-pandemija.
Fost il-prioritajiet elenkati f'dan ir-rapport l-EPP jgħid li hemm bżonn jittieħed kont tal-fatt li ħafna mill-frontliners kienu nisa matul il-pandemja, li bħala konsegwenza diretta tal-pandemija kien hemm dewmien jew problemi f'servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi. Dan filwaqt li l-aċċess għal kontraċettivi, abort legali u l-IVF kien aktar diffiċli.
Il-partit ifakkar ukoll li s-sistemi tas-saħħa huma differenti fi Stati Membri u li dawn id-differenzi jistgħu jaffetwaw persuni vulnerabbli għax iwasslu biex ikunu aktar milqutin minn oħrajn.
Għalhekk l-EPP qed jipproponi li jkun hemm rappreżentanza ugwali tan-nisa fil-bordijiet u kumitati kollha li jitrattaw il-Covid-19 - hekk kif ifakkru li il-maġġoranza tal-frontliners kienu nisa. Isejjaħ lill-Istati Membri biex jirrealizzaw li l-aċċess għal servizzi tas-saħħa, vaċċin u aċċess għal servizzi sesswali u riproduttivi huwa dritt fundamentali tal-bniedem għal kulħadd, tkun xi tkun l-età u l-ġeneru.
L-EPP kien saħaq f'dan ir-rapport favur miżuri li jgħinu setturi milqutin mill-Covid-19 fejn hemm ħafna ħaddiema li huma nisa, indirizz effettiv ta' differenzi fil-pagi skont il-ġeneru u qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli b'moniteraġġ mill-qrib tad-Direttiva li titratta l-bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja, fejn jirtratta ġenituri u carers.
L-EPP u l-bidla fil-klima!
Dan l-aħħar il-bidla fil-Klima kienet fuq fomm bosta minħabba nirien, għagħar u sħana madwar l-Ewropa u d-dinja. Il-Partit Popolari Ewropew ifakkar li hu jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea sabiex l-emmissjonijiet jonqsu b'50% sal-2030. Fil-fatt matul din is-sena intlaħaq qbil biex l-emmissjonijiet jonqsu b'55% meta mqabbel mas-sena 1990.
L-EPP jemmen illi t-tranżizzjoni nadifa hija waħda li tinvolvi s-setturi kollha tal-ekonomija, bis-settur tat-trasport ikun l-aktar wieħed li għandu potenzjal. Ifakkru li hemm bżonn l-eletrifikazzjoni tal-vetturi, l-użu tal-idroġenu u fjuwils alternattivi li ma jheddux il-produzzjoni tal-ikel u l-biodiversità.
L-EPP huwa favur limiti ta' CO2 fuq karozzi ġodda u vetturi kbar, u jħoss li għandu jkun hemm aktar għarfien tal-carbon-footprint ta' kull azzjoni - jiġifieri b'kull azzjoni li tieħu persuna permezz ta' użu ta' karozza, per eżempju, kemm tkun qed tniġġeż, biex "b'hekk in-nies jieħdu deċiżjonijiet infurmati."
Finalment l-EPP jemmen li meta jsir negozju ma' pajjiżi terzi fatturi, bħall-preservazzjoni tal-foresti, għandhom ikunu kkunsidrati.
L-EPP u t-tassazzjoni!
Din il-kwistjoni hija importanti ħafna għal pajjiżna hekk kif taxxa ta' kumpaniji li l-operat tagħhom ma jinsabx Malta, pero' li qed iħallsu taxxa hawnhekk qed iħallu miljuni kbar fil-kaxxa ta' Malta! Taxxa ugwali għall-kumpaniji madwar l-UE tkisser dan il-vantaġġ kompettitiv ta' pajjiżna!
Iżda hekk kif ma sibniex appoġġ mis-Soċjalisti, lanqas qed insibu mill-EPP li jagħmilha ċara illi "t-taxxa għandha titħallas f'dak il-pajjiż li fih qed isiru l-profitti!"
"L-EPP jirrealizza illi t-tassazzjoni hija kompetenza nazzjonali imma l-UE trid tikkontribwixxi wkoll kontra l-evażjoni tat-taxxa. Għalhekk l-EPP isejjaħ għal Stati Membri biex jassiguraw illi l-kumpaniji kollha jkunu trattati l-istess u b'mod ġust...u li jħallsu t-taxxi fejn qed isiru l-profitti."
Min imexxi lill-EPP?
Kien Prim Ministru tal-Polonja għal seba' snin, kien President tal-Kunsill Ewropew mill-2014 sal-2019 u wara din il-kariga kien appuntat President ta' dan il-grupp politiku. Donald Tusk imexxi l-Partit Popolari Ewropew.
F'Lulju li għadda reġa' daħal fil-politika fil-Congress of the Civic Platform (PO) kontra l-Gvern Pollakk lemini u nazzjonalista mmexxi mill-PIS - li ddeskriva bħala wieħed "kattiv u bla mistħija.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.