Il-Parlament Ewropew jinvestiga … l-abbuż f’avvenimenti sportivi
Bosta ġurnalisti u attivisti jiġġieldu kontra l-abbuż li jseħħ kawża tal-organizazzjoni ta’ avvenimenti sporitivi fuq skala kbira bħall-Olimpjadi u kampjonati tal-football. Forsi naqra tard, iżda issa kien imiss lill-Parlament Ewropew biex jaqsam fehmtu fuq dan is-suġġett
minn Marianna Calleja
Għad-dilletanti issir kważi rutina li fi żmien il-logħob tat-Tazza tad-Dinja jew tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol, wara ġurnata xogħol, jintefgħu jitpaxxew bit-talenti ta’ dawn l-atleti bravissimi. Wara ċertu żmien ma sħabhom jew tal-familja jiddiskutu kull ma kienu esperjenzaw sforz in-nostalġija, miċ-ċeremonja tal-ftuħ sal-aħħar attakk ta’ ansjetà li qabadhom meta raw lit-tim favorit tagħhom jitlef bil-penalties kontra l-aktar tim li ma jaħmlux.
Madankollu, malli r-rebbieħa jgħollu t-trofew jew il-medalja, grupp ta’ nies wara l-kwinti jkunu diġà bdew jaħdmu fuq l-avveniment tas-snin ta’ wara. Huwa propju dan il-proċess li qiegħed jiġi diskuss f’rapport miktub minn Daniela Heerdt u Hans Erik Næss kkommisjonat mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew. Sa issa sar biss rapport tal-iskoperti li sabu dawn iż-żewġ riċerkaturi, iżda hu mistenni li fix-xhur li ġejjin l-istess kumitat joħroġ proposti f’dan ir-rigward.
Ir-riskju ta’ abbuż sar aktar evidenti iktar kemm imur iż-żmien
Il-proċess sħiħ li ġie analizzat u diskuss fir-rapport jibda mis-sottomissjoni ta’ interess tal-pajjiżi u jibqa’ għaddej sa wara l-aħħar logħba jew avveniment finali. Ir-rapport jiddiskuti fih avvenimenti sportivi kbar (MSEs) bħall-kampjonat Ewropew tal-Futbol (EURO), It-Tazza tad-Dinja tan-nisa jew l-irġiel tal-Korp Governattiv tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol (FIFA), l-Olimpjadi tas-Sajf u tax-Xitwa, il-Logħob Paralimpiku (OPGs), il-Logħob tal-Commonwealth, u anke l-Jeux de la Francophonie. Skont dan ir-rapport dawn huma l-aktar avvenimenti sportivi responsabbli għall-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam sportiv.
“Ir-riskji saru dejjem aktar evidenti speċjalment fil-maġġoranza ta' avvenimenti sportivi kbar ospitati f'dawn l-aħħar deċennji, iżda b'mod partikolari mill-Olimpjadi tas-Sajf f’Beijing fl-2008.” (Aqra aktar f’paġna 11)
Ir-rapport jenfasizza l-firxa sħiħa ta' drittijiet tal-bniedem li jistgħu jkunu milquta ħażin kawża tal-organizzazjoni ta’ dawn l-avvenimenti. Biex inkunu semmejna ftit, ir-rapport jitkellem dwar dritt tax-xogħol, dritt għall-privatezza u drittijiet għal-libertà u l-espressjoni. Kif wieħed jista’ jara dawn id-drittijiet jolqtu numru ta’ persuni differenti li jilgħabu rwol importanti daqs l-atleti u ħafna drabi aktar, fosthom ir-residenti li jiġu mkeċċija minn darhom biex l-art tintuża mill-organizazzjoni, l-immigranti u t-tfal li jitħaddmu sabiex jinbnew l-istadiums kif ukoll il-ġurnalisti kemm, sportivi li jirrappurataw ir-riżutati iżda ukoll l-investigattivi li jikxfu l-abbuż wara dawn l-avveninmenti.
Fl-istess ħin, ir-rapport isemmi kif uħud minn dawn l-avvenimenti ħadmu għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ġabu riformi favur id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiż ospitanti. Intant bħal ma jgħid il-Malti, mhux kull ma jleqq hu deheb u għalkemm din l-ironija tiġi aċċettata minn bosta persuni, hemm oħrajn li għarfu mal-ewwel li dawn ir-riformi, iktar iva milli le, huma biss kitba fuq karta li tintesa’ meta niġu għall-azzjoni.
Sal-2017, l-ebda qafas legali ma’ kien jinkludi d-drittijiet tal-bniedem
Il-qafas legali li jifforma l-bażi għall-organizzazzjoni u l-ospitar ta’ dawn l-avvenimenti jistrieħ fuq ir-regolamenti tal-pajjiżi li joffru biex jospitaw l-avveniment. L-istess qafas legali jiġi adottat minn Korp Governattiv tal-isport internazzjonali (ISGBs), kif ukoll dokumenti addizzjonali li jikkonċentraw fuq il-ħtiġijiet operattivi, prinċipji, obbligi, flimkien ma' garanziji tal-Gvern u dikjarazzjonijiet oħra.
Għal tul ta’ żmien konsiderevoli, id-drittijiet tal-bniedem ma kinux parti minn dawn id-dokumenti. L-istorja inbidlet fl-2017 meta l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Football Ewropej (UEFA), il-FIFA, il-Kumitat tal-Olimpjadi (IOC) u l-Isport tal-Commonwealth (eks Federazzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth) iddeċidew li jinkludu d-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-rekwiżiti tagħhom għall-ospitar u/jew offerti mill-pajjiżi rispettivi.
Dawn li ġejjin huma biss siltiet mid-dokumenti legali ta’ żewġ organizzazjonijiet mmsemija hawn fuq sabiex jingħata eżempju.
UEFA b’regoli li ‘jipproteġu, jirrispettaw u jissodisfaw d-dritt tal-bniedem'
F'Mejju tal-2017, il-UEFA daħħlet ir-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem fir-'Rekwiżiti tat-Tournament 'u l-'Bid Dossier’ għall-Kampjonat tal-Futbol EURO 2024. Il-Bid Dossier jitlob lill-kandidati li huma interessati biex jospitaw l-avveniment jagħtu dettalji ta kif se jorbtu l-istrateġija kummerċjali tagħhom mal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.
L-istess dokumenti jinkludu linji gwida “sabiex jipproteġu, jirrispettaw u jissodisfaw d-drittijiet universali tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u l-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll jiżguraw li dawk li jaġixxu f’isem il-Gvern jew l-awtoritajiet pubbliċi jipproteġu u jirrispettaw dawn id-drittijiet.”
FIFA b’żewġ tipi differenti ta’ talbiet, waħda għal-irġiel u oħra għan-nisa
Linji gwida ġodda li jkopru l-proċessi tal-offerti għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tan-nisa 2023 u l-irġiel tal-2026, it-tnejn jinkludu taqsimiet dwar is-sostenibbiltà u d-drittijiet tal-bniedem.
F'termini speċifiċi, il-FIFA teħtieġ tkun ċerta li dawk responsabbli għall-kostruzzjoni u r-rinovazzjoni ta' grawnds, siti ta' taħriġ, lukandi u ajruporti jkunu qed jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-gwida tal-kampjonat tal-irġiel hija iktar komprensiva minn dik tan-nisa għax titlob impenji speċifiċi u informazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll standards tax-xogħol mill-assoċjazzjonijiet membri.
Dawn jinkludu: impenn pubbliku għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; garanziji ta' konformità mad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u standards tax-xogħol; kif ukoll strateġija tad-drittijiet tal-bniedem.
Min-naħa l-oħra l-gwida għat-tournament tan-nisa teħtieġ: impenn pubbliku espliċitu għad-drittijiet tal-bniedem, drittijiet tal-bniedem komprensivi, valutazzjoni tar-riskju (inkluż studju indipendenti) u deskrizzjoni tal-miżuri u l-istrateġija proposti biex tindirizza riskji bħal dawn.
F'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet, ir-responsabbiltà ewlenija għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll li tipprovdi mekkaniżmi ta' rimedju taqa' f'idejn l-assoċjazzjonijiet membri interessati. Madankollu r-responsabbiltajiet huma estiżi għar-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi, per eżempju permezz ta' ftehim ma’ awtoritajiet tal-istadium jew entitajiet oħra li jmexxu siti ta’ taħriġ.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.