Il-Parlament Ewropew jappella għal aktar sanzjonijiet kontra Lukashenko

Riżoluzzjoni favur aktar sanzjonijiet tgħaddi mill-Parlament Ewropew b'506 voti favur, 139 astenjoni u 29 vot kontra

Alexander Lukashenko
Alexander Lukashenko

Il-Parlament Ewropew esprima solidarjetà sħiħa ma' pajjiżi li ġew milqutin mill-attakki hybrid tal-Belarussja, filwaqt li appellaw biex ir-reġim ta' Lukashenko jittella' l-Qorti. F'riżoluzzjoni adottata l-ġimgħa l-oħra il-Parlament esprima solidarjetà mal-Litwanja, il-Polonja u l-Latvja flimkien ma' pajjiżi oħrajn li kienu fil-mira ta' Lukashenko hekk kif dan ipprova jdawwar numru sostanzjali ta' refuġjati u immigranti lejn il-fruntieri ewropej, b'mijiet arrestati wara li qasmu l-fruntiera għal ġol-UE illegalment. 

Il-Membri Parlamentari Ewropej issottolinejw dak li sejħu "immigrazzjoni sponsorjata mill-istat tal-Belarussja flimkien ma' kampanja ta' diżinformazzjoni bil-għan li Lukashenko jiddistabilizza u jintimida l-Unjoni Ewropea." Huma saħqu illi l-UE jeħtieġ tindirizza din il-kriżi, anke biex tingħata l-għajnuna neċessarja lill-immigranti. 

Fir-riżoluzzjoni - li kienet approvata b'506 voti favur, 29 kontra u 139 astensjoni - l-MEPs saħqu li il-każ tal-Belarus għandu jittella' quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fuq akkużi ta' reati "fuq skala massiva" kontra l-poplu "mid-dittatur illeġittimu Alexander Lukashenko." Huma qed jgħidu li dak li qed jagħmel il-Gvern ta' Lukashenko jikser il-Konvenzjonijiet ta' Chicago, Montreal u tal-Ġnus Magħquda kontra t-Tortura. 

Huma kundannaw dak li sejħu: "Ir-ripressjoni, tortura u trattament ħażin tal-poplu paċifiku tal-Belarussja" li jgħidu illi ma waqfux minn mindu bdew protesti kontra dik li sejjħu "elezzjoni Presidenzjali iffrodata li saret f'Awwissu li għadda."

Għalhekk huma appellaw biex l-UE iżżid is-sanzjonijiet kontra dan il-pajjiż.

Ir-riżoluzzjoni weriet id-dispjaċir ukoll li s-sanzjonijiet li diġà wettqet l-UE kellhom effett parzjali biss fuq Lukashenko u allura appellaw biex dawn is-sanzjonijiet ikunu msaħħin, iffukati fuq setturi tal-pajjiż u biex ikun hemm il-ħames sett ta' sanzjonijiet kontra l-Gvern, entitajiet u anke individwi li huma parti mill-kampanja tal-Gvern kontra kull min jopponih. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024