Wara snin ta’ stennija … addottat ir-rapport għall-protezzjoni ta’ persuni b’diżabiltà
Il-gazzetta ILLUM kienet mistiedna għal-laqgħa organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta fejn kellha l-opportunità titkellem mal-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba fuq ir-rapport tiegħu “favur soċjetà inklussiva.”
minn Marianna Calleja
Mobbiltà, edukazzjoni u akkomodazzjoni huma fost 11–il qasam li ġew diskussi fir-rapport tal-MEP Malti tal-Partit Soċjalisti Demokratiċi, Alex Agius Saliba. L-istess rapport li din il-ġimgħa ġie approvat fil-Parlament Ewropew ġewwa Strasburgu b’maġġoranza qawwija ta’ 579 vot.
Ir-rapport innifsu elenka oqsma illi fihom nies b’diżabilità kienu kważi qegħdin jokorbu għall-għajnuna. M’aħniex nitkellmu fuq talbiet eċċezzjonali iżda drittijiet li jien u int għandna u xbajna nitkellmu fuqhom.
Intant għaliex kellna nistennew sal-2021 biex isir xi ħaġa? Fil-verità dan l-imbierek rapport, bil-proposti u l-miżuri kollha tiegħu, kien ilu mistenni. Kien Alex Agius Saliba stess anzi li esprima b’diżappunt kif kellhom jistennew fuq sena biex biss, biss dan ir-rapport jittella’ għal-votazzjoni fil-Parlament Ewropew.
‘Sfortunatament il-Parlament Ewropew ma tgħallimx il-lezzjonijiet li kellu jitgħallem fuq l-inklużjoni’ - Alex Agius Saliba
Tajjeb ngħidu li l-MEP Malti mal-ewwel ammetta li l-Unjoni Ewropea stess għandha titgħallem minn dan ir-rapport u tibda tipprattikka dak li ilha tippriedka snin twal.
Hu qal kif din il-ġimgħa hu ħassu diżappuntat u kważi umiljat meta induna li “sfortunatament il-Parlament Ewropew ma tgħallimx il-lezzjonijiet li kellu jitgħallem fuq l-inklużjoni.”
Dan qalu minħabba żewġ każijiet partikolari li għex u ra b’għajnejh hu stess. Irrakkonta kif fl-2016 saret rakkomandazzjoni wara li saret petizzjoni mill-Kumitat Ewropew tal-Petizzjonijiet sabiex il-Parlament Ewropew ikun aktar aċċesibli permezz tal-lingwa tas-sinjali. B'mod speċjali fil-Kumitat tal-Petizzjonijiet stess, sabiex persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-Parlament Ewropew bħal ċittadini Ewropej oħra bla ebda diffikultà.
“Mill-2016 l’ hawn twaqqaf kumitat ta’ esperti biex ikun jista’ jimplimenta din id-deċiżjoni. Sal-lum il-ġurnata, ħames snin wara, għad għandna l-Parlament Ewropew u l-Kumitat tal-Petizzjonijiet mingħajr aċċess għal- lingwa tas-sinjali, lanqas dik internazzjonali.”
It-tieni każ hu aktar frisk f’moħħ Agius Saliba għax seħħ propju t-Tnejn li għadda. Tajjeb ngħidu li wieħed mix-Shadow rapporteurs ta’ Agius Saliba, l-MEP Grieg Stelios Kympouropoulos, jagħmel użu mis-siġġu tar-roti.
"Ilna tliet xhur nappellaw sabiex il-plenarja tkun aċċessibli, jiġifieri il-podju fejn isiru d-diskorsi jkunu aċċesibli għalih, ewroparlamentari bħali. Waqt li konna qegħdin niddiskutu l-aċċesibilità kellna sitwazzjoni li dan l-ewroparlamentari kellu jitkellem minn wara tas-sala għax il-kamra tal-plenarja m’għandhiex rampa. Qed ngħidu, l-qalb tal-Parlament Ewropew ma kienx aċċesibli għal Membru Parlamentari Ewropew.”
Dawn l-inċidenti jsaħħu l-argument ta’ Agius Saliba u l-pożizzjoni ta’ dan ir-rapport li ser jagħti livell ta' protezzjoni aqwa lill-madwar 87 miljun persuna b'diżabilita' madwar l-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt hu sostna li dawn mhux persuni li għandha nitħassru u nitfgħu f’kantuniera. L-Ewroparlamentari Laburista tenna li dawn huma nies li għandhom x’joffru lil komunità, li għandhom jiġu integrati fis-soċjetà tagħna, mhux jispiċċaw iżolati fl-istituzzjonijiet.
F'dik li Agius Saliba sejjaħ bħala “ġurnata storika għall-persuni b’diżabilta’”, kienu biss 12–il MEP li ivvuta kontra ir-rapport għall-protezzjoni ta’ persuni b’diżabilta’.
‘Mhux nagħtu eżempju, anzi inċidenti bħal dawn jibgħatu messaġġi koroh ħafna’
Fost il-kritika li qajjem il-kumitat stess li ħa ħsieb dan il-rapport, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet, kien il-punt li riedu aktar ambizzjoni fejn jidħol il-bord tal-aċċesibiltà.
“Dan għandu jkun l-għodda biex il-Kummisjoni Ewropea tara li jkun hemm sinerġija, li twassal għal aktar riċerka u gwida fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-istess strateġija”
Dan wassal għal talba ta’ aġenzija b’aktar saħħa u uffiċċju aktar permanenti li jkollu aktar saħħa leġislattiva għax l-ikbar sfida, skont Agius Saliba, tibqa’ li fuq il-karta kollox sabiħ imma fil-verita' hemm baħar jaqsam.
Il-gazzetta ILLUM staqsietu x’tip ta’ saħħa leġislattiva jixtieq li jilħaq permezz ta’ din l-aġenzija u jekk jikkunsidrax li jsiru multi jew penali biex jiġi assigurat li din l-istrateġija tiġi adottata mill-istati membri kollha.
Meta wieħed jikkunsidra multi, huwa fakkar li lokalment diġà konna ħadna pass f'din id-direzzjoni meta snin ilu l-Gvern Malti kien impona numru ta’ penali li għandhom jitħallsu minn dawk li jħaddmu u ma jimxux mal-persentaġġ ta’ persuni b’abbilitajiet differenti li għandhom jimpjegaw fil-kumpaniji jew negozji tagħhom.
Hawn hu kien qiegħed jirreferi għal-liġi tal-2015 fejn il-Gvern kien ħabbar sensiela ta’ miżuri mmirati biex jiżdiedu l-impjiegi fost persuni b'diżabilità. Fosthom ġew imħabbra diversi penali għal min ma jsegwiex il-liġi tas-60ijiet. Liġi li tgħid li kumpaniji li jimpjegaw aktar minn 20 persuna għandhom jkollhom mill-inqas 2% tal-impjegati tagħhom li jkunu persuni b'diżabilità. Dan wassal biex lokalment ttieħed pass li f’Stati Membri oħra lanqas biss ġie kkunsidrat.
Huwa speċifika li meta jsemmi saħħa leġislattiva, hu jixtieq jagħfas fuq il-punt ta’ armonizzazzjoni tad-definizzjoni ta’ diżabilità. Kompla jgħid li, persuna li teħtieġ “iġġorr” id-diżabilità tagħha f'pajjizi differenti tal-UE, se jkollha l-istess drittijiet f’kull pajjiż li żżur.
‘Fil-Parlament Ewropew qegħdin tmexxu l-idea tal-inklużjoni imma fil-prattika għad hemm sfidi kbar’ - Samantha Pace Gasan
Fl-istess laqgħa kien hemm preżenti l-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, Samantha Pace Gasan li tkellmet fuq l-isfidi ta’ persuni b’diżabilità u kif taħseb li se jkun ta’ benefiċċju rapport bħal dan għal pajjiżna.
Hi laqgħet b’entużjażmu x-xogħol li qiegħed isir mill-Parlament Ewropew, b’mod speċjali dan ir-rapport filwaqt li qablet mal-MEP Alex Agius Saliba li bejn dak diskuss u dak li jsir hemm differenza kbira.
“Il-Parlament Ewropew qegħdin tmexxu l-idea ta’ inklużjoni u l-importanza tal-aċċesibilità imma imbagħad fil-prattika xorta għad hemm sfida b’mod speċjali l-infrastruttura tal-istituzzjonijiet stess.”
Saħqet fl-istess waqt li tajjeb li jkun hemm konsultazzjoni, bħal ma seħħ mill-Gvern Malti fil-passat. Għaldaqstant hija tkellmet fuq kif il-konsultazzjoni m‘għandhiex issir biss ma’ għaqdiet non-governattivi iżda wkoll ma’ persuni individwali.
Temmet tgħid li bħala soċjetà nifilħu nkunu aktar pro-attivi u nqajmu iktar kuxjenza fuq l-isfidi li jgħaddu minhom nies b’diżabilità sabiex nedukaw ruħna aktar.
87 miljun persuna b’diżabilità, 46 miljun minnhom nisa … x’intqal fi Strasburgu?
Bħalissa fl-Unjoni Ewropea hawn madwar 87 miljun persuna b'diżabilità. Filwaqt li madwar 37% taċ-ċittadini tal-UE ta' 15-il sena jew aktar għandhom diżabilitajiet fiżiċi u/jew mentali, ir-rapport jenfasizza li iktar min-nofs dawn il-87 miljun ruħ huma nisa (46 miljun).
Ir-rapport innifsu jelenka l-oqsma fejn ir-riformi huma l-aktar meħtieġa biex jgħinu ċittadini ewropej jgħixu b'diżabilità. Rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-MPE jinkludu assistenza aktar flessibbli fl-ivvjaġġar; l-introduzzjoni ta' Karta Ewropea tad-Diżabilità; assigurazzjoni ta’ sistemi edukattivi li jakkomodaw tipi differenti ta' studenti u bżonnijiet differenti ta' studenti; u l-għoti ta' djar mhux istituzzjonalizzati u mhux segregati lil ċittadini b'diżabilità, sabiex ikunu parteċipanti attivi fil-komunità tagħhom, fost ħafna aktar.
Id-dibattitu dwar ir-rapport li sar nhar it-Tnejn fi Strasburgu ftit sab oppożizzjoni iżda ħareġ biċ-ċar li l-Unjoni Ewropea tnikkret mhux ftit biex ħadmet fuq id-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini.
"Il-kalendarju tiegħi jgħid 2021, iżda d-drittijiet ta' persuni b'diżabilità huma mwaħħla fl-1950", qalet l-MEP Żvediża tal-partit Renew Europe, Abir Al-Sahlani.
‘Irridu ntejbu l-kapaċità tas-sistemi edukattivi tagħna’ - Alex Agius Saliba fid-dibattitu tat-Tnejn li għadda
Bħal kull rapport ieħor li ħareġ wara l-2019, dan ir-rapport indirizza l-impatt tal-pandemija. Skont ir-rapport l-Covid-19 laqtet l-agħar lin-nies b'diżabilità f'pajjiżi bħall-Bulgarija u r-Rumanija, "bis-sitwazzjoni sejra għall-agħar f'termini ta 'aċċess għall-kura tas-saħħa.”
L-edukazzjoni iżda kienet il-kwistjoni ewlenija fir-rapport, bl-għajta li "edukazzjoni inklużiva toħloq il-bażi għal suq tax-xogħol inklussiv".
Kien Agius Saliba li qal waqt id-dibattitu li tfal b'diżabilità jbatu minn bosta ostakli fil-mogħdijiet edukattivi tagħhom filwaqt li semma tfal bl-awtiżmu bħala eżempju, hekk kif f’numru ta’ stati lanqas biss jikkunsidrawhom bħala persuni b'diżabilità.
Ta’ din il-fehma wkoll kienet l-MEP Franċiża tal-istess grupp politiku ta’ Agius Saliba, Sylvie Guillaume. Hi qablet mal-MEP Malti waqt li żiedet tgħid li “progress fis-sistema edukattiva minn età żgħira tfassal modi aħjar biex dawn it-tfal jaċċessaw l-università.”
"Huwa tajjeb li l-impjiegi jiġu adattati għal persuni b'diżabilità, iżda mhux naturali li n-nies jkollhom impjiegi adattat għalihom", żiedet tgħid Guillaume.
Fi Franza, il-kwistjoni qed tiġi diskussa wkoll. Meta fadal sitt xhur qabel l-elezzjonijiet presidenzjali, is-Senat beħsiebu jagħmel dibattitu dwar jekk id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità humiex effettivi u rispettati matul il-jiem li ġejjin.
F’Malta, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità ġew diskussi diversi drabi din is-sena. Il-gazzetta ILLUM ukoll kienet tat daqqa t’għajn lejn kif inhi d-dinja tax-xogħol għal dawn il-persuni f’Malta.
Fil-fatt l-ILLUM kienet żvelat li sal-aħħar ta’ Frar li għadda 4,020 persuna b’diżabilità kienu impjegati f’Malta u Għawdex. 2.4% tal-impjegati fis-settur pubbliku huma persuni b'diżabilità filwaqt li persuni b'diżabilità fis-settur privat jammontaw għal 1.5%.
Biex tara l-laqgħa tal-MEP Alex Agius Saliba flimkien mal-ġurnalisti Maltin, agħfas hawn. din il-laqgħa ġiet organizzata mill-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f'Malta.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.