Issa hija uffiċjali! L-MEP Maltija u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hija l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-istess Parlament . Dan wara li hija kisbet 64.4% tal-voti - jew 112-il vot - filwaqt li l-kandidati l-oħrajn kisbu: Esther de Lange 44 vot filwaqt li Othmar Karas kiseb 18-il vot f'elezzjoni li saret illejla fi ħdan l-akbar grupp politiku ewropew.
Jekk Metsola tirbaħ din l-elezzjoni, dan ikun mument storiku fil-politika lokali f'termini ta' Unjoni Ewropea hekk kif din tkun l-iktar kariga prestiġjuża li qatt tkun kisbet MEP Maltija fl-istituzzjoni Parlamentari. Hija diġà fil-fatt tokkupa t-tieni l-ogħla kariga u allura jidher li l-possibilitajiet huma favur il-kandidata Roberta Metsola.
Jekk Metsola tirbaħ din l-elezzjoni f'Jannar li ġej, hija tibqa' President tal-Parlament sal-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew, li ser ikunu qed isiru fl-2024.
'Inħares lejn il-kollegi tiegħi biex inkomplu nibnu maġġoranza ċentrista u pro-UE' - Roberta Metsola
Intant waqt konferenza li saret ftit wara li rebħet dan il-vot importanti fl-EPP Metsola qalet illi tinsab onorata b'dan il-mandat u qalet illi huwa l-irwol tal-President ta' din l-istituzzjoni, li jkompli jsaħħaħ lill-Parlament Ewropew, biex ikun "aktar aċċessibbli, b'dibattitu aktar miftuħ u b'viżjoni ċara lejn l-elezzjonijiet tal-2024 biex aktar nies jivvutaw," qalet Metsola.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti għal din il-konferenza l-kandidat tal-EPP Metsola saħqet illi l-priorità tagħha se tkun illi jinħolqu alleanzi u pontijiet, bħalma tgħid li għamlet kemm ilha taħdem fil-Parlament. "Inħares lejn il-kollegi tiegħi biex inkomplu nibnu maġġoranza ċentrista u pro-UE," wegħdet Metsola li qalet ukoll li se tkompli taħdem b'mod konsistenti mal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi.
Manfred Weber, il-Kap tal-Partit Popolari Ewropew, qal illi din hija l-ewwel darba f'20 sena li l-partit qed iressaq 'il quddiem kandidat li mhijiex minn wieħed mill-pajjiżi l-kbar tal-UE.
Huwa qal ukoll li issa jibdew in-negozjati dwar il-kandidat għalkemm sostna li "hemm sinjali pożittivi" dwar iċ-ċans li Metsola tieħu din l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew.
'Unur għal Metsola, għal pajjiżna u għall-Partit Nazzjonalista' - Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Intant tal-ewwel li jifraħ lil Metsola kien il-kollega tagħha fl-istess Parlament, l-MEP Malti tal-Partit Nazzjonalista David Casa li beda bil-kliem "irnexxielna" u spiċċa bil-kliem, "Roberta, kburin bik!"
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech awgura lil Roberta Metsola u fisser dan il-mument bħala wieħed li "mhux biss jagħmel unur lil Roberta Metsola imma wkoll lil Malta u lill-Partit Nazzjonalista, li minn dejjem emmen fl-Unjoni Ewropea."
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed ukoll l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista fil-proċess li se jwassal għall-elezzjoni ta’ President tal-Parlament Ewropew f’Jannar li ġej.