Aġġornata | 'Għandna nkunu kburin li nistgħu npoġġu t-timbru Malti fuq dak li seħħ illum'
Metsola kisbet maġġoranza assoluta ta' 458 vot, jew 74% tal-voti mitfugħa mill-MEPs u saret President tal-Parlament Ewropw

minn Albert Gauci Cunningham

Is-sit illum.com.mt kien qed jaġġornakom LIVE minn Strasburgu kontinwament.
5:30 p.m. - "Għandna nkunu kburin li nistgħu npoġġu t-timbru Malti fuq dak li seħħ." Hekk sostniet illejla il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti Maltin. Fil-fatt apparti l-ILLUM kien hemm preżenti wkoll diversi ġurnalisti oħrajn.
Metsola sostniet - meta mistoqsija jekk tikkunsidrax li qatt terġa' lura għall-politika lokali ladarba jgħaddi t-terminu tagħha bħala President Metsola ma weġbitx b'mod dirett imma sostniet li hi għad fadalla sentejn u nofs fil-mandat u se tkompli taħdem biex tirrispetta dan il-mandat, issa fi rwol differenti wkoll.
Mistoqsija minn dan is-sit dwar il-ġlieda kontra pajjiżi li b'mod skjaċċanti jiksru d-drittijiet tal-bniedem u ta' minoranzi, Metsola sostniet illi l-UE hija l-aktar moviment politiku b'saħħtu kontra l-emrġinazzjoni, favur il-protezzjoni ta' minoranzi, "u hemm maġġoranzi kbar - li jiena u l-membri Maltin kollha fil-fatt - li jaħdmu għal dan." Hija qalet ukoll li permezz ta' pjan ta' rkurpru huwa importanti li jkun aċċertat li ħadd ma jibqa' lura u ħadd ma jkun żvantaġġjat.
.jpeg)
1:00 p.m. - 'Il-pożizzjoni tiegħi dwar l-abort hija dik tal-Parlament Ewropew'
'Il-pożizzjoni tiegħi hija dik tal-Parlament." Hekk sostniet Roberta Metsola għall-mistqsojijiet kontinwi dwar l-abort fl-ewwel Konfereza tal-aħbarijiet li tat ftit wara li kienet eletta President tal-Parlament Ewropew u dan hekk kif Metsola ġieli vvutat esprimiet lilha nnifisha kontra l-abort diversi drabi.
Roberta Metsola qalet illi huwa unur li dan il-Parlament se jkun qed jitmexxa minn mara Maltija u "xhieda tax-xogħol li dejjem għamilna bħala pajjiż minn meta dħalna fl-Unjoni Ewropea."
Qabel il-konferenza tal-aħbarijiet, fl-ewwel diskors tagħha bħala President Metsola qalet illi l-Ewropej qed ifittxu d-direzzjoni hekk kif tisħaq li l-valuri demokratiċi talp-Ewropej qed ikunu sfidati.
"Dan il-Parlament jagħmel differenza... irridu nisimgġu liż-żgħażagħ, irridu nkomplu naħdmu fuq il-Green Deal, u l-Ewropa jeħtieġ tkun fuq quddiem," sostniet Metsola għall-mistpqsijiet tal-ġurnalisti.
Hija għamlet referenza għall-familja ta' Jan Kuciak u ta' Daphne Caruana Galizia u sostniet li il-ġlieda tagħhom għall-verità hija "l-ġieda tagħna."
11:00am: Roberta Metsola eletta President tal-Parlament Ewropew u tikseb maġġoranza assoluta ta' 458 vot. Il-Parlament Ewropew jinfexx f'ċapċipa kbira u anke kant ta' awgurju, hekk kif illum, Metsola tagħlaq ukoll snina.
Metsola kisbet 74% tal-voti tal-Membri Parlamentari preżenti fl-ewwel għadd, allura litteralment kaxkret lill-kandidati l-oħrajn.

Ir-riżultat sħiħ huwa dan: Voti Mitfugħa: 690. Voti Validi: 616, Maġġoranza biex kandidat jirbaħ: 309 voti, Roberta Metsola: 458, Alice Kuhnke: 101 vot u Sira Rego: 57 vot.
10:30 a.m - Hekk kif kien hemm qbil politiku bejn l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D), il-Partit Pop0olari Ewropew (l-EPP) u Renew u kandidat minn erba' waqqa' ismu mit-tiġrija, kollox qed jindika li Roberta Metsola se tkun il-President tal-Parlament Ewropew. Dawn huma biss l-ewwel indikazzjonijiet. L-S&D qed tagħti l-appoġġ lil Metsola bil-kundizzjoni li jkun hemm bilanċ politiku istituzzjonali u allura rappreżentazzjoni ġusta minn kull moviment politiku.
L-EPP, l-S&D u Renew huma l-akbar tliet partiti fil-Parlament Ewropew.
Ir-riżultat uffiċjali jitħabbar fil-11:00 a.m
9:30 a.m. - Tibda l-votazzjoni għall-President ġdid tal-Parlament Ewropew
9:15 a.m. - Roberta Metsola f'diskors li tat qabel tibda l-votazzjoni appellat lill-MEPs biex jivvotawlha sabiex b'hekk l-Ewropa timxi 'l quddiem u wegħdet li jekk eletta tkun President li tibni l-pontijiet mhux biss bejn il-pajjiżi Ewropej imma wkoll bejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk fil-madwar fejn hemm it-taqbid u l-gwerer.
Hija bdiet id-diskors tagħha billi fakkret lil David Sassoli u kemm dan kien kommess li jżomm l-Ewropa flimkien. "Kburija li dan huwa Parlament tad-diskussjoni... il-verità toħroġ minn nuqqas ta' qbil u d-dibattitu," qalet Metsola.
Hija sostniet li hemm bżonn inħallu warajna l-firda tal-passat, tal-politika tar-rebbiħin u t-telliefa, "u huwa hawn fejn irridu nkunu mexxejja. Ma nistgħux nibżgħu mir-riformi, biex inkunu aktar moderni, effettivi u effiċjenti," qalet Metsola.
"Aħna qegħdin fi Strasburgu bħala eżempju ta' demokrazija u tama. Hawnhekk mhux il-ġeografija tgħodd imma s-saħħa tal-argument tagħkom," qalet Metsola lil dawk preżenti.
"Huwa hawn fejn irridu nkunu fuq quddiem fuq l-ugwaljanza, il-bidla fil-klima, il-ġustizzja soċjali, il-ġlieda għad-drittijiet tan-nisa.." sostniet Metsola li fil-fatt kienet ġiet ikkritikata minħabba l-pożizzjoni tagħha fuq l-abort f'Parlament fejn il-maġġoranza tal-membri huma favur l-abort u d-drittijiet sesswali tal-mara b'mod ġenerali.
Metsola sostniet li dan irid ikun Parlament miftuħ, divers u sigur "fejn kulħadd huwa liberu li jwettaq il-mandat."
Hija sostniet li l-irwol tal-Predident huwa li jinstab qbil u jinbnew pontinijiet, speċjalment fuq kwitjonijiet fejn hemm diversità tal-ħsieb.
"Tagħna irid ikun Parlament li jitkellem b'saħħtu.. jiena mhux se nibża' mid-deċiżjonijiet iebsin," wegħdet Metsola lil sala mimlija MEPs illi dalgħodu se jkunu qed jivvutaw.
"Jiena mara minn gżira żgħira fil-Mediterran, " qalet Metsola, li sostniet li allura taf kemm trid taħdem aktar biex tilħaq u tagħraf il-ħolm tagħha u ssarfu f'realtà
Aktar Kmieni: Illum il-Parlament Ewropew jivvota bid-destin politiku ta' Roberta Metsola jiġi determinat hekk kif hija waħda minn erba' kandidati għall-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew, dik ta' President tal-Parlament Ewropew. Tkun ukoll l-ogħla kariga li qatt kisbet persuna Maltija f'din l-Istituzzjoni Ewropea minn mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004.
Roberta Metsola, Alice Kuhnke, Kosma Złotowski u Sira Rego huma l-kandidati għall-kariga ta’ President tal-Parlament għat-tieni nofs tal-leġiżlatura 2019–2024. Il-Viċi President tal-Parlament Pedro Silva Pereira (S &D, PT) ħabbar l-erba’ ismijiet lill-plenarja lbieraħ filgħaxija, ladarba ngħalqet l-iskadenza għall-ewwel round ta’ votazzjoni.
Il-kandidati se jkunu qed jagħmlu preżentazzjonijiet qosra dalgħodu, immedjatament qabel l-ewwel round ta’ votazzjoni, li ser isir bejn id-9.30 u l-10.15, bir-riżultat imħabbar fil-11.00.
Il-kandidaturi jitressqu minn grupp politiku jew minn grupp ta’ MEPs li jilħqu l-hekk imsejjaħ limitu baxx, jiġifieri 1/20 tal-Membri tal-PE, jew 36 mis-705 Membri meta jimtlew is-siġġijiet kollha. Kandidati jistgħu jiġu proposti, jew irtirati, qabel kull round ta’ votazzjoni.
Biex jiġi elett bħala l-President tal-PE, il-kandidat rebbieħ jeħtieġ li jirbaħ maġġoranza assoluta tal-voti validi, mitfugħa b’vot sigriet, jiġifieri 50% u wieħed. Minħabba l-pandemija, il-votazzjoni se ssir mill-bogħod, għalkemm xorta se jkun hemm MEPs li jivvutaw fi Dtrasburgu. Jekk wara tliet rounds, l-ebda kandidat ma jkun irnexxa jikseb din il-maġġoranza, iż-żewġ kandidati bl-aktar voti fit-tielet round jipproċedu għar-raba’ u l-aħħar votazzjoni, li fiha jiġi elett il-kandidat bl-aktar voti.
Ir-riżultat tat-tieni round ta’ votazzjoni potenzjali jitħabbar fil-plenarja fis-13.00; fl-16.30 jekk ikun hemm it-tielet round, u fis-18.30 jekk ir-raba’ round ikun meħtieġ.

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.



