Il-President George Vella ltaqa’ mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li tinsab Malta fuq l-ewwel żjara uffiċjali mill-ħatra tagħha f’din il-kariga.
Filwaqt li tenna l-awguri tiegħu lil Metsola għall-ħidma sfiqa f’din il-kariga importanti, il-President Vella tkellem dwar ir-responsabbiltajiet kbar li ġġorr magħha. Dan peress li l-Parlament Ewropew huwa pilastru fundamentali tad-demokrazija li jwassal il-leħen taċ-ċittadin direttament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Il-President fisser li hemm bżonn ta’ aktar għarfien fost iċ-ċittadini Ewropej fuq ix-xogħol li jwettqu l-parlamentari Ewropej u kif dan jolqot direttament il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Il-President Vella u Metsola ddiskutew numru ta’ sfidi li bħalissa jinsabu fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma l-irkupru mill-effetti tal-Covid, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima kif ukoll l-iżviluppi politiċi li qed iseħħu fil-viċinazi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE.
Min-naħa tagħha, Roberta Metsola wasslet l-apprezzament tagħha għall-appoġġ li ngħata lilha mill-President Vella, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Spjegat ukoll li l-pandemija kellha impatt kbir fuq l-operat tal-Parlament Ewropew u tat rendikont tal-prijoritajiet li jinsabu fuq l-aġenda tal-parlament fil-preżent. Fosthom semmiet l-immigrazzjoni, l-ambjent u l-qasam diġitali.
Wara din il-laqgħa, il-President Vella ddeskriva t-taħditiet bħala interessanti ferm, li taw spjegazzjoni ċara tal-viżjoni u l-għanijiet li bihom is-Sa Metsola qiegħda taqdi d-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħha. Huwa qal ukoll li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-Maltin, speċjalment meta jingħaqdu, jagħrfu jegħlbu l-isfidi marbuta mal-ġeografija u d-daqs ta’ pajjiżna u jirnexxu fl-ogħla karigi internazzjonali.