"Ix-xeni li qed naraw fl-Ukrajna huma diffiċli għalina li nixhdu - filwaqt li aħna ttamajna u ħdimna sabiex nippromovu il-proċess ta' de-eskalazzjoni, il-biżgħat tagħna u t-twissijiet kienu issa rrealizzati. Il-President Putin beda gwerra fl-Ewropa." Hekk sostniet fl-indirizz tal-ftuħ tal-Kunsill Ewropew ilbieraħ il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Il-Kunsill - jiġifieri l-mexxejja kollha ewropej, inkluż l-Prim Ministru Malti Robert Abela - iltaqa' lbieraħ biex jiddiskuti l-attakk Russu fuq l-Ukrajna li issa saħansitra wasal sal-kapitali, Kyiv.
Metsola qalet illi dak li seħħ huwa episodju inaċċettabbli u fakkret li l-bliet, reġjuni u kapitali ta' nazzjonijiet indipendenti mhumiex hemmhekk biex jittieħedu kif ġieb u laħaq minn xi ħadd. Hija qalet li d-dinja ma tista' qatt tmur lura għall-passat.
Il-President Metsola qalet li l-Kremlin ilu jipprova "jixtri triqtu lejn l-Ewropa" u għalhekk sostniet illi wasal iż-żmien li jingħalqu toqob bħall-skemi ta' passporti tad-deheb - li sejħitilhom perikolużi - u li fakkret illi jagħtu ċittadinanza Ewropea u qalet ukoll li flus Russi ma għandhomx isiru kritiċi, kif inhi kritiku l-gass Russu. Malta, flimkien mal-Bulgarija u Ċipru għandhom skemi simili, filwaqt li diversi pajjiżi Ewropej oħra għandhom skemi ta' Golden Visas.
Il-Parlament Ewropew se jkun qed jlaqqa' Sessjoni Plenarja Straordinarja nhar it-Tlieta li ġej illi fiha se tiġi diskussa din is-sitwazzjoni.
Metsola akkużat lil Putin illi l-invażjoni tal-Ukrajna hija biss parti minn aġenda ta' distabilizzjoni u qalet illi bil-passi li qed jieħu, Putin qed jibda konfront dirett mal-Ewropa. "Putin qabad it-triq tal-awtoritarjaniżmu kontra d-demokrazija u allura triq li ma nistgħux ma nisfidawx."
Il-President tal-Parlament Ewropew qalet illi l-Ukrajna huwa pajjiż demokratiku u li jemmen fil-libertà. "Meta nħares madwari nara mexxejja ta' Stati Membri fejn il-popli tagħhom jaħsbu l-istess. Ma nistgħux inħallu lill-Ukrajna waħedha, imma rridu nuru solidarjetà mal-poplu tal-Ukrajna li qamu għall-aktar ħolma kerha tagħhom dalgħodu (ilbieraħ filgħodu)," kompliet tgħid Metsola.
Hija qalet ukoll li hemm bżonn illi l-ewropej juru solidarjetà ma' dawk li qed jitilqu mill-Ukrajna hekk kif qed jiffaċċjaw sfidi umanitarji. "Tistgħu sserħu fuq il-Parlament Ewropew għall-appoġġ," qalet Metsola li sostniet ukoll illi l-Unjoni Ewropea qed turi illi hija magħquda u determinata. "Se nkunu magħqudin , se nitkellmu b'vuċi waħda, se nuru illi għandna d-determinazzjoni u l-abbilità li niffaċċjaw din it-theddida. Aħna qegħdin mal-Ukrajna," sostniet Metsola.
Hija qalet illi l-Parlament jirrikonoxxi l-perspettiva ewropea u li mal-Ukrajna l-UE diġà għandha ftehim u kooperazzjoni, inkluż fuq is-sigurtà tal-enerġija.
"Ma nistgħux inħallu d-determinazzjoni tagħna titnaqqas mill-agressività Russa li timbotta 'l quddiem valur li huwa differenti minn tagħna, li jħares lura minflok lejn il-kooperazzjoni."
Roberta Metsola qalet illi llum l-UE qed tiffaċċja theddida li mhijiex ħolqien tagħħa u li "aħna ma pprovokajniex." Qalet għalhekk li fid-dawl ta' din l-aggressjoni l-UE jeħtieġ tagħmel dak li huwa sew u sensibbli u turi solidarjetà mal-poplu Ukren billi tagħti assistenza ta' €1.2 biljun, hekk kif tfakkar li għamlet l-UE b'azzjonietha u bi kliemha.
Metsola qalet illi huwa sewwa u xieraq li l-Parlament Ewropew jadotta sanzjonijiet kbar u bla preċedent kontra l-Russja.
"Għandna nkomplu u nżidu mas-sanzjonijiet," qalet Metsola li fakkret illi t-theddida tmur lilhinn mill-immedjat u li hemm diversi implikazzjonijiet għas-settur tal-enerġija.
Hija fakkret illi l-gwerra se tkun ukoll waħda onlajn b'kampanja kkordinata ta' diżinformazzjoni minn Putin. "Irridu niġġieldu n-narrativa tossika li niktbu l-istorja mill-ġdid. Nassigurakom li l-Parlament Ewropew u l-membri qed jimbuttaw 'l quddiem il-messaġġ tal-Ewropa."