L-MEP Alfred Sant stqarr li filwaqt li hemm konverġenza ekonomika ta’ interessi u perspettivi bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina, is-sistemi politiċi tagħhom jibqgħu aljeni għal xulxin għax joperaw b’mod differenti u jobdu valuri ta’ governanza differenti. Il-MWP Laburista saħaq li perspettivi għall-futur qarib li huma verament u tassew kondiviżi miż-żewġ naħat għadhom mhumiex qrib. Madanakollu, huma għan li tajjeb wieħed jistinka għalih.
Waqt li kien qed jindirizza lill-Kamra tal-Kummerċ Belġjana-Ċiniża dwar l-Unjoni Ewropea u l-istat attwali taċ-Ċina Sant irrikonoxxa li arranġament ordnat politiku u ekonomiku huwa essenzjali iżda rrakkomanda li l-firxa u l-limiti tal-kooperazzjoni u l-konverġenza għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar u trasparenti. Dan jippermetti spazju sħiħ għall-valuri u l-għanijiet tan-naħat kollha kkonċernati. Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista tal-S&D Sant irrimarka li l-gwerra attwali fl-Ukrajna se jkollha impatt fuq din il-perspettiva iżda saħaq li r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina jridu jiġu definiti indipendentement minn kwalunkwe relazzjoni oħra. Għall-ewwel għandu jkun hemm valutazzjoni realistika dwar kif bħalissa qed jiġi ffurmat il-futur fit-tul tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina, huwa saħaq.
Il-Kamra tal-Kummerċ Belġjana-Ċiniża li tinsab fi Brussell hija l-assoċjazzjoni tan-negozju Belġjana ewlenija għal kumpaniji involuti li jagħmlu negozju fiċ-Ċina jew maċ-Ċina. Ġiet stabbilita fis-snin tmenin wara li daħħlet fis-seħħ l-open-door policy taċ-Ċina.
Sant stqarr li sfida reali fil-futur qarib hija li l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina jsibu l-bażi għal relazzjoni fit-tul u reżistenti li hija definita purament f’termini ta’ kif u x’jixtiequ li jkunu r-relazzjonijiet tagħhom fejn il-premessi li jiddaħħlu fis-seħħ f’din is-sitwazzjoni jkunu espliċiti mill-bidu nett. Madanakollu, mhuwiex kunfidenti li dan se jiġri. "Fl-interess li jinżammu xi ftehimiet ewlenin fuq wara ta' ambigwitajiet, se jkun hemm soppressjoni dwar kif l-Unjoni
Ewropea jew iċ-Ċina tikkunsidra li tittratta din jew dik il-kwistjoni - li tista' twassal għal pushbacks sfortunati, anke perikolużi fi stadju aktar tard" , hu qal.
Filwaqt li rrikonoxxa t-termini impressjonanti ta’ kummerċ u investiment bejn l-Ewropa u ċ-Ċina, min-naħa l-oħra, Sant wissa li sal-lum il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina u l-investimenti fl-infrastrutturi tan-netwerk 5G baqgħu weqfin. Huwa saħaq li l-globalizzazzjoni ressqet lill-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina eqreb lejn xulxin ekonomikament madanakollu saħħet u kabbret id-diverġenzi politiċi bejn it-tnejn