Aktar kmieni din il-ġimgħa l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tat diskors qawwi fir-Rada - il-Parlament tal-Ukrajna. Diskors illi fih reġgħet weriet l-appoġġ assolut tal-Parlament Ewropew lejn dan il-pajjiż u diskors li ntlaqa' b'ċapċip u approvazzjoni mid-Deputati preżenti.
Hija qalet iżda illi l-konfront li l-Parlament Ewropew flimkien ma' ħafna pajjiżi Ewropej qed iwettqu kontra l-Mexxej Russu Vladimir Putin, mhuwiex kontra r-Russi. Fil-fatt din ta' Roberta Metsola hija narattiva li l-mexxejja Ewropej irrepetew fl-aħħar xhur biex ikun aċċertat li kwalunkwe kliem iebes u azzjoni kontra Putin ma tkunx interpretata bħala attakk fuq ir-Russi.
Metsola qalet illi huwa d-dmir tagħha u tal-Parlament li tkun fl-Ukrajna u r-responsabilità tal-istess Parlament li juri illi anke waqt id-dlam tal-gwerra "d-demokrazija Parlamentari hija d-dawl. Aħna magħkom fi żmien tajjeb u żminijiet inqas tajbin."
Fakkret fil-qerda, il-mewt u l-ħajjiet mtertqa, b'nisa u tfal li qed iħallu ħajjithom warajhom.
"Intom urejtu lid-dinja illi l-ebda ammont ta' terrur ma jista' jintimida, li l-ebda bombi ma jistgħu jeqirdu d-dinjità u l-kburija tagħkom," qalet Metsola filwaqt li r-Rada sema' bil-kwiet u baqa' - kontinwament - juri approvazzjoni lejha. "Intom id-difensuri ta' pajjiżkom," fakkret Metsola lil dawk li kienu qed isegwu.
Hija kompliet tasserixxi illi l-ġlieda tal-Ukrajna, hija għall-valuri Ewropej - mill-ġdid xi ħaġa li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ilhom jirrepetu issa. Tfakkar illi dawn il-valuri huma: Il-libertà, id-demokrazija u s-Saltna Tad-Dritt, inċidentalment ukoll valuri li dwarhom ġew ikkritikati u anke kkundannati pajjiżi tal-UE, bħall-Bulgarija, l-Ungerija u anke Malta. "Intom tafu li mingħajr dawn il-valuri ma hemm xejn iktar," sostniet il-President tal-Parlament Ewropew.
Bħalma għamlet diversi drabi diġà Metsola reġgħet esprimiet l-appoġġ totali tal-Parlament lejn dan il-pajjiż. "Emmnuni meta ngħidilkom li l-Ewropej jinsabu wara l-Ukrajna."
"Il-kliem jistgħu jinspiraw u l-kliem jistgħu jbiddlu, imma hemm bżonn ukoll il-kompassjoni, l-appoġġ u t-tama. Ma aħna qatt se nabbandunaw lill-Ukrajna u qatt ma aħna ser inċedu," sostniet il-President tal-Parlament Ewropew.
Kompliet tfakkar illi dan kollu li qed iseħħ bħalissa naturalment ipoġġi lill-Ewropa f'kunflitt mar-Russja. "Għandna bżonn aktar sanzjonijiet u sanzjonijiet aktar ħorox. Aħna nafu li d-demm inxtered u ma aħniex se niddiżappuntawkom," qalet Metsola - li fil-fatt qed tieħu rwol ċentrali ħafna fil-kritika u l-passi li qed jittieħdu kontra r-reġim ta' Putin.
Hija wegħdet lir-rappreżentanti tal-poplu Ukren illi l-UE se tgħin biex meta tieqaf dik li ssejjaħ "invażjoni illegali, mhux ġustifikata u bla provokazzjoni" se tkun qed tgħin fil-bini mill-ġdid tal-pajjiż. Wegħdet ukoll li l-UE se toħloq Ukraine Trust Fund, sabiex tgħin propju sabiex dan il-pajjiż jinbena mill-ġdid.
"Putin għamel kalkolu ħażin. Ma kkalkulax kemm hawn kuraġġ u reżistenza f'dan il-pajjiż. Ħaseb li d-dibattitu huwa dgħjufija. Imma aħna se nuru il-wiċċ u l-qalb ewropea hekk kif miljuni fuq miljuni jibqgħu jkollhom jitilqu mill-bliet u l-irħula fejn jgħixu."
Roberta Metsola temmet bi tragward: Daqshekk Gass mir-Russja. Tragward li ammettiet li huwa ambizzjuż , iżda li qalet illi l-UE se tkun qed tara illi jintlaħaq.