Id-delegazzjoni tal-PE: Malta għamlet tibdil iżda l-proċess ġudizzjarju għadu kajman

Il-PM Robert Abela jfakkar f'elenku ta' riformi li saru mill-Gvern u jesprimi ottimiżmu li Malta toħroġ mil-Lista l-Griża tal-FATF

L-MEP Sophie 'Int' Weld qabel il-laqgħa f'Kastilja
L-MEP Sophie 'Int' Weld qabel il-laqgħa f'Kastilja

Membri tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew illi f'dawn il-jiem qed iżuru lil Malta sostnew illi l-proċess ġudizzjarju kajman f'Malta għadu ta' tħassib. Dan qaluh meta kienu qed jiltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, tal-Affarijiet Barranin Ian Borg u tal-Intern Byron Camilleri. Magħhom kien hemm ukoll is-Segretarji Parlamentari Chris Bonnett u Rebecca Buttigieg. 

Il-PM Abela beda billi nnota l-Kabinett il-ġdid li ħatar u fil-mandat b'saħħtu li l-poplu Malti u Għawdxi ta lill-Gvern preżenti sabiex, fi kliemu, jkompli jwettaq ir-riformi. Huwa qal illi nies bħal Attard, Bonnett u Buttigieg kienu eletti għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni u mogħtija pożizzjoni fil-Kabinett. "Dawn huma rappreżentattivi tal-Kabinett il-ġdid," qal Abela li kompla jsostni illi l-prijorità tal-amministrazzjoni tiegħu sa minn Jannar 2020 kienet is-saltna tad-dritt. Huwa fakkar lill-Membri Parlamentri Ewropej preżenti dwar ir-riformi li jitrattaw il-ħatra tal-Ġudikatura, il-Prim Imħallef u l-Kummissarju tal-Pulizija u qal illi l-Gvern wettaq ir-rakkomadazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja.

Il-Prim Ministru fakkar ukoll li l-irwol tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat ġew segregati, kif propost mill-istess Kummissjoni Venezja, filwaqt li fakkar fir-rapport tal-Moneyval dwar nuqqasijiet fl-istrutturi ta' kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u ammetta illi r-rapport kien iebes fil-konfront ta' Malta. 

Dwar il-fatt li Malta spiċċat fuq il-Lista l-Griża tal-FATF il-PM qal ili Malta kienet mogħtija l-iktar pjan ta' azzjoni qasir possibbli  u qal ukoll li qed iħares 'l quddiem għal riżultat pożittiv, wara li f'Marzu li għadda l-istess FATF kienet qalet illi Malta kienet wettqet b'mod sostanzjali ħafna mill-pjan li kellha quddiemha. 

Robert Abela kompla jispjega li l-inkjesta fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kienet konkluża, li inħatar kumitat ta' esperti fil-midja li se jkun qed jindirizza diversi abbozzi, inkluż wieħed kontra l-Islapp. Huwa qal ukoll illi filwaqt li meta ġiet l-aħħar f'Malta d-delegazzjoni l-prijorità kienet il-pandemija, issa din il-prijorità saret il-gwerra fl-Ukrajna.

"Huwa faċli li npoġġu l-isfidi relatati mas-saltna tad-dritt fil-ġenb... imma s-saltna tad-dritt trid tibqa' prijorità," sostna l-PM Malti, li kompla jgħid illi r-riformi li ddaħħlu kienu ħafna u ġabu bidla fil-kultura u fl-opinjoni. 

Intant l-MEP Sophe' Int' Veld - li qed tmexxi d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew u li tmexxi tali Kumitat - sostniet illi s-sitwazzjoni f'Malta ilha tkun taħt il-lenti. "Is-saltna tad-dritt hija fuq nett tal-aġenda u hija kundizzjoni għall-fondi ewropej li pajjiż jista' jirċievi," qalet l-MEP li emfasizzat illi l-Kumitat kellu aktar mistoqsijiet x'jistaqsi, anke jekk fil-fatt irrikonoxxiet li kien hemm bidliet li ġew implimentati. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024