Il-kariga ta' Metsola ssaħħaħ l-opinjoni pożittiva tal-Maltin favur il-Parlament Ewropew

Żieda ta' kważi 33% f'dawk il-Maltin li għandhom opinjoni pożittiva dwar il-Parlament Ewropew

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika maħruġ mill-Ewrobarometru, f’erba’ xhur biss mindu Roberta Metsola laħqet President tal-Parlament Ewropew, kienu irreġistrati qabżiet kbar dwar kif il-Maltin iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea. 

Tnejn minn kull tliet persuni f’Malta għandhom opinjoni pożittiva dwar il-Parlament Ewropew - kważi terz aktar mill-aħħar stħarriġ li sar f’Novembru li għadda meta kienu 39% biss li kellhom din il-fehma.

Tliet kwarti tal-Maltin jemmnu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hija xi ħaġa tajba - 12% aktar minn sitt xhur ilu. 
 
Erbgħa minn kull ħames parteċipanti irrikonoxxew l-importanza tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea - żieda ta’ 16% fuq Novembru. 

Żewġ terzi taċ-ċittadini Maltin jemmnu li leħinhom jinstema’ fuq livell Ewropea - bidla totali meta mqabbel ma Novembru. Sa sitt xhur ilu, inqas min-nofs il-Maltin kienu jemmnu li l-opinjoni tagħhom għandha valur. 

B'reazzjoni għal dan l-istħarriġ il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet illi l-vuċi tal-poplu Malti tassew għandha valur fuq livell Ewropew u "hu ta' pjaċir ninnota li l-Maltin u l-Għawdxin dan qed jirrikonoxxuh iżjed minn qatt qabel. Kemm it-thassib u anke l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi qed inpoġġuhom kuljum fuq il-mejda tad-diskussjoni," sostniet Metsola.

Hija kompliet tgħid illi tul il-mandat tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew, tixtieq tara li l-entużjażmu u t-tama għal futur aħjar "li kellna meta għażilna li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea jibqa' fostna u jissaħħaħ. U dan billi inġeddu il-proġett li offra bosta opportunitajiet u ħajja aħjar, għalina u għal uliedna."

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024