Il-Parlament Ewropew se jkun qed jagħfas dejjem aktar kontra l-abbuż, l-iskjavitù u t-tħaddim ta' nies kontra l-liġi, anke jekk dan ikun qed isir barra mill-Unjoni Ewropea.
F'riżoluzzjoni li ġiet approvata dan ix-xahar stess il-Parlament Ewropew tratta x-xogħol sfurzat (forced labour) u qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tassigura illi toħloq mekkaniżmu li permezz tiegħu kumpaniji li jkunu suspettati illi qed iħaddmu lin-nies b'mod sfurzat ikunu jridu jirranġaw is-sitwazzjoni tagħhom qabel ikunu jistgħu jesportaw il-prodotti tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt il-Parlament qed jisħaq li l-Unjoni Ewropea jibda jkollha d-dritt li twaqqaf prodotti deħlin fi stat membru jekk l-awtoritajiet ikollhom suspett li magħmulin minn ħaddiema impjegati b'mod sfurzat. Fil-fatt il-Parlament Ewropew qed jisħaq li prodotti li ġejjin minn postijiet tax-xogħol fejn hemm abbuż fuq il-ħaddiema għandhom ikunu ipprojbiti. Dan apparti li qed jisħqu wkoll li taħt qafas ewropew ġdid - l-awtoritajiet lokali, bl-inizzjattiva tagħhom stess, għandhom iżommu f'detenzjoni kull oġġetti fil-fruntiera ewropea jekk għandhom provi biżżejjed li dawn kienu magħmulin jew inkella trasportati b'xogħol sfurzat.
Is-sid tal-kumpanija għandu jagħti provi li s-suspett fondat tal-awtoritajiet mhuwiex minnu u jkun hekk biss li l-prodotti jkunu jistgħu jitħallew jidħlu fl-Unjoni Ewropea.
Il-Parlament Ewropew qed jisħaq ukoll illi kumpaniji jistgħu jiġu mistoqsija sabiex jagħtu informazzjoni "rilevanti" li tikkonċerna is-sussidjarji, il-fornituri, kuntratturi u sħab fin-negozju fil-katina kollha tal-forniment. Għalhekk il-Parlament qed jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq linji gwida biex b'hekk kumpaniji kbar ikunu assistiti fi proċess li permezz tiegħu jkunu jafu x'inhi l-katina kollha ta' forniment.
Apparti minn hekk iżda l-Parlament Ewropew qed jappella sabiex tinħoloq lista ta' entitajiet, reġjuni u prodotti li fuqhom jkun hemm sanzjonijiet ta' dan it-tip. Fil-fatt l-istess Parlament qed jisħaq li għandu jinħoloq database li fih jkun hemm fornituri individwali u l-periklu jew riskju li dawn joħolqu f'termini ta' xogħol diċenti.
Miljuni f'impjieg sfurzat madwar id-dinja...
Il-Parlament Ewropew ifakkar li skont il-konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), xogħol sfruzat huwa ddefinit bħala kwalunkwe impjieg jew servizz li jsir taħt theddida ta' multa u f'liema każ persuna ma tkunx qed tagħmel ix-xogħol b'mod volontarju.
L-ILO tuża 11-il indikatur sabiex tiddefinixxi xogħol sfurzat li huma: 1) abbuż tal-vulnerabbilità ta' ħaddiema, 2) ingann, 3) restrizzjoni fil-moviment tal-ħaddiema, 4) iżolament, 5) vjolenza fiżika u sesswali, 6) intimidazzjoni u thedid, 7) iż-żamma ta' dokumenti ta' identità - primarjament il-passasport - 8) iż-żamma tal-ħlas jew pagi, 9) kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' ħajja ħżiena, 10) overtime eċċessiv u 11) l-użu tad-dejn biex titħaddem persuna.
B'kollox l-ILO tistma' li hawn 25 miljun persuna li jinsabu f'impjieg sfurzat, li minnhom il-maġġoranza il-kbira jew kważi 21 miljun jinsabu f'impjieg sfurzat minn kumpanija privata, filwaqt li 4.1 miljun jinsabu f'impjieg sfurzat impost mill-istat.
Ir-riżoluzzjoni tfakkar illi n-nisa jiffurmaw xejn inqas minn 61% tal-persuni f'din is-sitwazzjoni, b'nisa immigranti jkunu l-aktar vulnerabbli.
L-istess ILO tistma' - b'mod xokkanti - illi xejn inqas minn 160 miljun tifel u tifla kienu qed jagħmlu xogħol sfurzat, b'nofs dawn ikunu vittmi tal-agħar tip ta' xogħol sfurzat, f'ambjent perikoluż għalihom.
'Jekk l-impjieg prekarju huwa l-unika alternattiva għall-ġuħ jiġi forma ta' xogħol sfurzat'
L-MEP Claire Daly mill-Partit The Left qalet illi qatt mhu ser issib lil ħadd li se jgħid illi huwa favur ix-xogħol sfurzat, imma minkejja dan "din ir-realtà qegħda kullimkien. Għaliex?"
Hija qalet illi filwaqt li hawn realtà tal-agħar tip ta' abbuż, bħat-traffikar, hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-linja bejn il-legalità u l-abbuż mhuwiex daqstant ċar. "Il-konsegwenzi tal-kapitaliżmu qed iħallu ħafna nies bla ebda għażla ħlief li jsibu impjieg b'kundizzjonijiet ħżiena ħafna." Daly qalet li anke dan huwa forma ta' xogħol sfurzat, jekk l-alternattiva għal impjieg prekarju huwa l-ġuħ.
"Hija responsabilità tagħna li nitrattaw din il-kwistjoni b'mod adegwat," temmet tisħaq Daly.