Kumitat magħmul minn numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej (MEPs) approvaw abbozz ta’ liġi sabiex tagħmel forza fuq stati tal-Unjoni Ewropea sabiex dawn jassiguraw l-indipendenza u l-imparzjalità fl-istrutturi tax-xandir pubbliku u nazzjonali.
Dan l-abbozz se jittieħed vot fuqu fil-Parlament Ewropew, fil-plenarja ta’ bejn it-2 u l-5 t’Ottubru.
Din il-liġi kapaċi jkollha effett sinifikanti fuq ix-xandar nazzjonali ta’ Malta, il-PBS, li spiss ikun skrutinizzat minħabba l-prossimità li għandu mal-Gvern.
Jekk tkun approvata, ix-xandara pubbliċi jridu jassiguraw awtonomija u indipendenza editorjali mill-Gvern, politika, kif ukoll interessi ekonomiċi u privati. Għan dan il-għan, tirrikjedi li ħatriet fit-tmexxeija f’dan is-settur iridu jsegwu proċedura trasparenti u li ma tiddiskriminax. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta’ rwoli fid-dirigenza iridu jkunu stabbiliti bil-liġi, sabiex l-indipendenza tkun assigurata.
L-istati membri jridu jassiguraw ukoll li fornaturi ta’ sevizzi tal-midja pubbliċi jkollhom “riżorsi adekwati u sostennibbli ta’ riżorsi,” li jiġi kkalkulat skont opinjoni ta’ awtorità indipendenti.
“Din il-liġi għandha l-għan li tistabbilixxi diversità aktar vasta, aktar libertà u aktar indipendenza editorjali fix-xandir Ewropew,” saħqet l-MEP Ġermaniż u ġurnalista Sabine Verheyen mill-European People’s Party (EPP). “Il-libertà fil-midja tinsab mhedda f’numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk importanti li din il-liġi tkun effettiva.”
Il-kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej Peter Agius, ikkummenta li, “l-MEPs qed jagħmluha ċara li l-ebda Kap tal-Aħbarijiet, editor jew direttur tal-PBS m’għandu jkun maħtur mill-Gvern abbażi ta’ kriterji politiċi, imma għandu jkun hemm process ta’ selezzjoni oġġettiv u trasparenti li jkun miftuħ għal kulħadd.”
Hu enfasizza wkoll kif dan l-artiklu fil-liġi kien propost mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi tal-Ewropa, “li juri li dak li jridu s-soċjalisti m’huhiex dak li qed jiġri f’Malta, fejn il-PBS huwa pupazz ta’ Kastilja.”