Il-PN, Metsola u l-ġenoċidju f’Gaża | Karl Schembri

Karl Schembri jaqsam il-ħsibijiet tiegħu fuq il-kunflitt li għaddej bħalissa bejn l-Iżrael u l-Palestina u r-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea

 

Ftit wara li faqqa' l-aħħar kunflitt bejn il-Ħamas u l-Iżrael, ikkuntattjani Joe Mikallef mill-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista Il-Mument sabiex nikteb il-ħsibijiet tiegħi għall-edizzjoni tal-Ħadd 15 t'Ottubru. Sa dak il-ħin, l-inħawi fejn għext f'Gaża City għal erba' snin kienu diġà trab. Kien ukoll diġà ċar li l-Iżrael kien qed jippjana attakk lura fuq iċ-ċivili ta' Gaża. 

Għalhekk ħadt l-opportunità biex nikteb dwar il-ġenoċidju ppjanat u mħabbar minn qabel mill-Iżrael, u dwar l-ipokrisija tal-pajjiżi tal-punent, inkluż l-Unjoni Ewropea, li kundannaw l-azzjonijiet tas-Sibt 7 ta' Ottubru waqt li injoraw 'il fuq minn sittin sena ta' okkupazzjoni u assedju brutali fuq l-art tal-Palestinjani.

Fl-istess artiklu, ikkritikajt lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Mestola - għalkemm kienet għadha ma żaritx l-Iżrael biex tieħu r-ritratti - li ddeċidiet għalina li l-Ewropa tinsab wara l-Iżrael. Dan kien il-paragrafu li ktibt:

"Għalhekk huwa diżappuntanti l-messaġġ tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fejn fil-karrieriżmu tagħha, u sabiex tingħoġob mal-padruni, ma kellhiex ħila tmur lil hinn mill-kundanni faċli. Kundanni selettivi, għax iseħħu biss u dejjem fil-konfront tal-Palestinjani, mhux fil-konfront tal-Iżrael, minkejja li jikser kull forma ta' liġi internazzjonali ta' kuljum."

Issa li rajna l-mod kif Mestola tat l-approvazzjoni u ffaċilitat il-ġenoċidju ta' Gaża, dak il-paragrafu kien pjuttost dgħajjef. Issa nistgħu ngħidu li Metsola, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, għandhom idejhom imċappsa bid-demm tal-innoċenti. Imma anki dak il-paragrafu spiċċa ċċensurat minn Il-Mument, għall-iskantament tiegħi li kont tlabt lil Mikallef jgħidli jekk kien se jiċċensura xi ħaġa ħalli fil-każ nippubblika xi mkien ieħor.

Meta staqsjetu, Mikallef ikkonferma miegħi li ddeċieda li kellu d-dritt jaqbad u jaqta' l-kritika lejn Metsola: "Ma nħossx li l-gazzetti tagħna għandhom iservu bħala pjattaforma biex nattakkaw lil nies tagħna stess," qalli.

Apparti r-raġunament infantili li jikkonferma għala l-Partit Nazzjonalista renda ruħu irrelevanti, u apparti dan l-inċident pjuttost trivjali, li jinkwetani hu li issa ma nafux x'inhi l-politika tal-PN fir-rigward tal-Palestina u l-Iżrael. Hija l-pożizzjoni ġenoċidjali ta' Metsola, li adotta l-PN f'daqqa waħda? X'sar minnha d-diplomazija ta' Guido de Marco? Hija Metsola li, fir-rwol tagħha fl-Ewropa, qed tiddeċiedi l-politika tal-PN? U xi jrid jgħid biha l-PN li fuq il-ġurnal tiegħu ma nistgħux nikkritikaw lil min iddeċieda li qed jirrappreżentana?

Ikolli nammetti li għall-ewwel darba fi snin sibt ruħi naqbel mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg, li apparti jieħu ħsieb il-liċenzji tas-sewqan tal-kostitwenti, issa qed jagħti messaġġi importanti fix-xena globali billi jiddefendi l-għajnuna umanitarja lill-Palestinjani u billi jagħmel id-distinzjonijiet meħtieġa bejn Ħamas, il-Palestinjani ċivili, u d-dmir li nsolvu l-għeruq ta' dan il-konflitt: l-okkupazzjoni tal-Palestina u l-assedju ta' Gaża.

Metsola li għamlet isem għax, ġustament, ma ħaditx b'idejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għax hu korrott, issa m'għandha l-ebda problema tmur tieħu b'idejn il-kriminali tal-gwerra. Jekk din hi l-politika l-ġdida tal-PN fil-konfront tal-Palestina u l-Iżrael, ta' min jgħidilna b'mod uffiċjali ħalli nifhmu bis-sħiħ sa liema fond niżel fil-ġirja lejn il-qiegħ.

Sadanittant, nittama li Malta tkun il-vuċi tal-kuxjenza u l-konsistenza morali f'din il-kawża. Sakemm isseħħ ġustizzja vera u storika mal-Palestinjani okkupati u assedjati, li kulma jridu huwa l-libertà u l-indipendenza, il-biki selettiv ta’ Metsola u l-bqija jkompli jagħmilna kompliċi f'dawn l-atroċitajiet ta' kuljum. Għalhekk huwa wkoll id-dmir tagħna kollha li nitolbu lir-rappreżentanti tagħna sabiex jintervjenu kontra l-istat ta' impunità totali tal-Iżrael, lejn ġustizzja kif mitluba mil-liġi internazzjonali għal Palestina f'idejn il-Palestinjani. 

 

 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024