Nhar l-Erbgħa, waqt plenarja fl-UE, l-MEP Laburista Cyrus Engerer (S&D) wassal akkuża fuq gvernijiet “popolari” li kienu qed jinjoraw l-obbligi tagħhom u jonqsu milli jirrispettaw is-saltna tad-dritt fl-istati membri tal-UE. Bosta MEPs wissew dwar ir-rigress demokratiku f’ħafna stati membri u kkritikaw in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fis-salvagwardja tal-valuri tal-UE. .
Engerer ħeġġeġ lill-MPE biex jibqgħu jiddefendu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt għax iċ-ċittadini għandhom bżonn rappreżentanti kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej biex iżommu lil dawk fil-poter taħt kontroll.
"Speċjalment meta dawk fil-poter jaħsbu li l-popolarità teħlishom milli jirrispettaw is-saltna tad-dritt jew jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem," qal Engerer.
"F'demokrazija, il-popolarità m'għandha qatt iġiegħel lil ħadd jemmen li huwa 'l fuq mil-liġi jew li jista' jiddeċiedi liema drittijiet jistgħu jgawdu ċ-ċittadini."
Engerer kien l-uniku MEP Malti li tkellem fil-plenarja nhar l-Erbgħa dwar il-valutazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-altna tad-dritt tal-2023.
Wara dibattitu fil-plenarja r-rapport ġie adottat bi 374 vot favur, 113 kontra u 45 astensjoni.
L-MEP Nazzjonalista David Casa ivvota kontra r-rapport. L-MEP Laburista Alex Agius Saliba astjena. L-MEPs Laburisti Alfred Sant u Josianne Cutajar ma rreġistrawx il-vot tagħhom għalkemm kienu preżenti għal voti oħra. Engerer ivvota favur.
Engerer qal li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-istat tad-dritt fl-istati membri għandha titwettaq minn panel indipendenti u kkritikaha għan-nuqqasijiet tagħha dwar l-infurzar tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità mal-Ungerija, billi qisha bħala “tal-mistħija”.
Qal li jinsab diżappuntat ukoll li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola naqset milli tieħu l-messaġġ tal-Kamra fir-riżoluzzjoni tagħha stess dwar is-saltna tad-dritt fil-Greċja. “Hija tippretendi li m’hemm l-ebda kwistjonijiet f’dan il-pajjiż fejn il-gvern huwa akkużat li jxaqleb fuq ġurnalisti u politiċi, fejn hemm ksur sistematiku tas-saltna tad-dritt u fejn ukoll ġiet assassinata ġurnalist, u sal-lum hemm impunità totali.”
Engerer fl-aħħar appella liċ-ċittadini u lill-attivisti biex jimpenjaw ruħhom kontinwament fil-ħsieb kritiku u jwettqu r-rivoluzzjonijiet demokratiċi tagħhom stess.
Il-Parlament min-naħa tiegħu ħa nota ta’ xi żviluppi pożittivi konkreti, inklużi l-isforzi tal-gvern il-ġdid Pollakk biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-libertà tal-midja Enfasizza wkoll fuq it-theddid persistenti għad-demokrazija, is-saltna tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali kif ukoll problemi jew inċidenti speċifiċi f’diversi stati membri tal-UE.
Il-MPE kienu mħassba dwar il-bidliet proposti fl-istituzzjonijiet u l-pajsaġġ tal-midja tas-Slovakkja, kif ukoll dwar il-liġi ta’ amnestija proposta fi Spanja.
Barra minn hekk, sejħu prattiki sistemiċi diskriminatorji, mhux trasparenti u inġusti kontra kumpaniji f’ċerti setturi fl-Ungerija.
Approvaw ukoll is-sejħa biex tintemm iċ-ċittadinanza bi skemi ta’ investiment bħal dik f’Malta u ġibdu l-attenzjoni għall-ħasil tal-flus – kwistjoni li hija intrinsikament marbuta mal-korruzzjoni.
Il-MPE wkoll qalu li l-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza kienet ukoll mhedda, filwaqt li għad trid issir ħidma biex il-ġurnalisti jiġu protetti minn SLAPPs u theddid ieħor.
Is-soċjetà ċivili taffaċċja sfidi f’ħafna pajjiżi, inkluż fis-Slovakkja fejn tħabbru pjanijiet biex jikkontrollow il-ħidma tal-NGOs.
Għal darb'oħra, il-MPE jenfasizzaw li l-monitoraġġ tal-Kummissjoni mhuwiex biżżejjed u għandu jevolvi biex jinkludi azzjoni ta' infurzar konkreta, li jikkundanna n-"nuqqas ta' konformità miftuħ u bla mistħija" ta' diversi stati membri mal-liġi tal-UE.
“Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt għandu jittratta lil kull stat membru b’mod ugwali u oġġettiv. Il-pressjoni politika mill-gvernijiet m’għandhiex titħalla tinfluwenzaha, għax l-Ewropej għandhom id-dritt li jkunu jafu kif sejjer l-istat tad-dritt f’pajjiżhom – jgħixu fejn jgħixu,” qalet ir-rapporteur Olandiża Sophie in ‘t Veld.