Fl-2023 l-UE rċeviet 1.14 miljun applikazzjoni għall-ażil

Analiżi li saret mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) żvelat li l-UE rat ma’ 1.14 miljun applikazzjoni għall-ażil; bil-Ġermanja, Franza u Spanja l-iktar tliet pajjiżi li raw influss 

 

Fl-2023, l-Unjoni Ewropea (UE+) rat ma’ 1.14 miljun applikazzjoni għall-ażil. Dan in-numru huwa l-għola ċifra milħuqa f’seba’ snin. 

Analiżi li saret mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) titfa’ dawl fuq id-dinamika li qed tevolvi tal-pajsaġġ tal-ażil fi ħdan l-UE+.

Il-Ġermanja kien l-iktar pajjiż li rċieva applikazzjonijiet għal-ażil, b’total ta’ 334,000 applikazzjoni. 

Franza u Spanja wkoll esperjenzaw influssi notevoli, b'167,000 u 162,000 applikazzjoni, rispettivament. Min-naħa l-oħra, l-Italja rċeviet 136,000 applikazzjoni. 

Is-Sirjani kienu l-akbar grupp ta’ applikanti, b’181,000 applikazzjoni, żieda ta’ 38% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. It-tieni l-akbar grupp ta’ applikanti mill-Afganistan , raw tnaqqis fl-applikazzjonijiet, bi 11 % mis-sena ta’ qabel.

Ċittadini Torok ressqu aktar minn 82% aktar applikazzjonijiet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. 

Barra minn hekk, ċittadini b'aċċess mingħajr viża għaż-Żona Schengen, inklużi l-Venezweli u l-Kolombjani, ammontaw għal porzjon sinifikanti tal-applikazzjonijiet.

Ta' min jinnota b'mod partikolari n-numru ta’ Palestinjani dejjem jikber li qed ifittxu ażil fl-UE+. Fl-2023, in-numru ta’ applikazzjonijiet Palestinjani żdied għal kważi 11,600, li jindika żieda ta' żewġ terzi meta mqabbel mas-sena ta 'qabel.

L-influss ta' applikazzjonijiet għall-ażil jissarraf f'numru akbar ta' każijiet pendenti li qed jistennew deċiżjoni, li żdiedu b'39 % fl-2023. Din iż-żieda toħloq sfidi sinifikanti għall-awtoritajiet tal-ażil u tal-UE+, flimkien mal-provvista kontinwa ta' protezzjoni temporanja lil aktar minn 4.4 miljun Ukren li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024