Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer huwa l-ewwel Malti li qatt tkellem favur l-abort fi Brussel. Waqt dibatittu huwa saħaq li l-abort għandu jsir dritt fil-Karta Ewropea tad-drittijiet fundamentali.
Engerer lissen diversi stejjer ta’ nisa anonimi li kellhom iwettqu abort illegali f’Malta kawża ta’ vjolenza domestika, stupru jew mard.
“Dawn in-nisa kollha għadhom isem, imma jekk jitkellmu jintbgħatu tliet snin ħabs f’Malta” qal Engerer. Huwa żied jgħid li ma’ 500 mara jwettqu abort f’darhom stess kull sena. “Awtonomija tal-ġisem hija fundamentali għal kulħadd, inkluż nisa trans.”
Riċentament, Engerer kien preżenti għall-marċ f’Jum il-Mara organizzat minn attivisti favur il-mara fejn ipprotestaw għar-rispett li ħaqqha mara għal ġisimha.
Malta hija wieħed mill-pajjiżi ewropej fejn l-abort jibqa’ illegali, anke f’każijiet ta’ stupru, inċest. Riżultat ta’ dan iwassal għal nisa biex jinqdew minn proċeduri mhux siguri biex iwettqu abort.
Fil-ftuħ tad-dibattitu, Elisa Ferreira, Kummissarju Ewropew għar-Riforma, tkelmet minflok il-Kummissarju tal-Ugwaljanza Maltija, Helena Dalli, u qalet li “meta stati membri jużaw il-kompetenza tagħhom għandhom jirrispettaw il-liġi internazzjonali, iżda l-Kummissjoni Ewropea se tkompli tati sapport lill-gruppi soċjali biex jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.”
L-MEP Karen Melchior, saħqet li l-abort mhuwiex biss dritt imma anke jitratta s-saħħa. “irridu aċċess għall-abort f’kull membru stat,” filwaqt li qalet li fil-każ ta’ Malta, il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi l-isfidi li jaffaċċjaw in-nisa Maltin. “Nisa ta’ Malta – aħna magħkom.”
F’Lulju 2023, il-Gvern Malti ntroduċa l-Abbozz 28 bl-intenzjoni li titaffa ftit il-liġi fuq l-abort u jitħalla li jitwettaq tali proċedura f’każ li s-saħħa tal-mara tinsab f’riskju gravi. F’każijiet iktar serji, il-mara tista’ tikseb permess għall-abort minn tliet tobba.
Attivisti jkomplu jinsistu li dan l-approċċ jipperikola l-ħajja tal-mara għaliex jista’ jġib miegħu dewmien li jkun fatali.