Il-Kumitat Eżekuttiv ta' ADPD - The Green Party approva r-raba' kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru fit-8 ta’ Ġunju 2024.
L-artista u attivista Rachelle Deguara, magħrufa wkoll bħala REA, se tkun qed tikkontesta l-elezzjonijiet flimkien ma' Ralph Cassar, Sandra Gauci u Mina Jack Tolu.
Dawn tal-aħħar ġew ikkonfermati bħala kandidati s-sena li għaddiet.
Il-kandidatura se tkun ikkonfermata waqt il-laqgħa ġenerali tal-partit aktar tard dan ix-xahar.
Rachelle Deguara hija magħrufa għal-lirika qawwija tagħha li tisfida n-normi tal-ġeneru u l-aspettattivi tradizzjonali li jxekklu lin-nisa u lirika li tilmenta l-qerda tal-ambjent naturali ta' Malta.
Fl-2023 hija kkurat XQXS - Xewka f’ Qalbi, Xewka f ’Sormi - wirja għall-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa biex tixħet dawl fuq il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-fastidju sesswali, u l-esperjenzi personali tan-nisa u persuni queer f’Malta.
Sandra Gauci, iċ-chairperson tal-ADPD qalet “kuntenta ħafna li nilqa' lil Rachelle fit-tim tagħna tal-kandidati tal-Parlament Ewropew. Huwa ta' unur għalija li qed immexxi din il-kampanja b'mara daqshekk b’saħħitha u kreattiva. Bħala kandidati aħna magħrufin għall-impenn u r-rappreżentazzjoni tagħna ta’ politika ekoloġika u progressiva fil-livell lokali u Ewropew, u Rachelle tikkumplimenta lit-tim tagħna perfettament. Nirringrazzjaha tal-impenn. B’lista bilanċjata bejn il-ġeneri ta’ erba' kandidati għal dawn l-elezzjonijiet, insaħħu leħinna bħala partit ekoloġista u progressiv f’ Malta.”