Bi 336 vot favur, 163 kontra u 39 astensjoni, il-MP's Ewropej qed iħeġġu lill-istati membri biex jiddikriminalizzaw bis-sħiħ l-abort skont l-202 linja gwida tad-WHO, u biex ineħħu u jiġġieldu l-ostakli għall-abort.
F’riżoluzzjoni adottata nhar il-Ħamis, il-parlament Ewropew appella lil Malta u lill-Polonja biex jirrevokaw il-liġijiet ristrettivi fuq l-abort.
L-MPEs jikkundannaw il-fatt li l-abort qed jiġi miċħud minn prattikanti mediċi, u f’xi każijiet minn istituzzjonijiet mediċi sħaħ, fuq il-bażi ta’ “klawsoli ta’ oġġezzjoni ta’ kuxjenza”, li ħafna drabi jirriżultaw f’sitwazzjonijiet fejn id-dewmien jista’ jipperikola l-ħajja jew is-saħħa tal-pazjent.
Il-Parlament ivvota li l-metodi u l-proċeduri tal-abort għandhom ikunu parti obbligatorja mill-kurrikulu għat-tobba u l-istudenti tal-mediċina, u li metodi u provvisti kontraċettivi b’xejn għandhom ikunu disponibbli, partikolarment għal gruppi vulnerabbli.
Barra minn hekk, il-MPEs jridu wkoll li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-gruppi kontra l-għażla ma jirċievux fondi mill-UE.
Filwaqt li t-test jappella lill-istati membri, inkluża Malta, biex iwettqu ċerti miżuri, il-kura tas-saħħa fl-aħħar mill-aħħar hija kompetenza nazzjonali.
Il-bidla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE biex tinkludi l-abort ikun teħtieġ qbil unanimu mill-istati membri kollha.
Fir-rigward tal-MPE Maltin, Il-Laburisti Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar, flimkien mal-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa ivvutaw kontra, filwaqt li l-eks prim ministru Alfred Sant astjena.