Il-Kummissjoni Elettorali f’stqarrija l-Erbgħa filgħodu, avżat lill-eletturi kollha ta’ Malta u Għawdex li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat, jiġifieri dak tal-20 ta’ April, 2024, suġġett għal żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Revizur, illi uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni minn nhar is-Sibt, 27 ta’ April, 2024.
It-tqassim ser isir kuljum bejn it-8am u s-1pm u bejn it-3pm u d-9pm, sa nhar il-Ġimgħa l-10, jew is-Sibt, il-11 ta’ Mejju, 2024, skont id-distretti elettorali.
Għaldaqstant huwa ta’ ħtieġa kbira li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.
Waqt it-tqassim tad-dokumenti għall-votazzjoni l-pubbliku ser jintalab jikkonferma li jkun irċieva d-dokument/i billi jiffirma fuq il-mobile pprovdut mill-Uffiċjal tal-Pulizija, minflok il-ktejjeb li kien jintuża qabel.
Il-ligi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti.
Dawn se jkunu provduti b’Biljett ta’ Awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.
Id-dokumenti għall-votazzjoni għandhom jinżammu f’post fejn wieħed isibhom għax mingħajrhom ħadd ma jkun jista’ jivvota f’jum il-votazzjoni.