Għalfejn il-kandidatura tiegħek għall-Parlament Ewropew?
Iddeċidejt li nikkontesta dawn l-elezzjonijiet biex inkun ta’ servizz għal pajjiżi u għall-poplu Malti u Għawdxi. Jien nemmen fl-importanza t’aċċessibilità għal servizzi essenzjali, partikolarment tas-saħħa. Għad baqgħalna ħafna x’nagħmlu fuq livell Ewropew fejn tidħol is-saħħa mentali. Din tiġi affettwata minn ħafna fatturi bħall-ambjent, l-impjieg, il-kwalita tal-arja, l-ikel, l-edukazzjoni, u n-noise pollution. Nemmen ukoll li rridu naħdmu iktar fuq mudell edukattiv li jipprepara lill-istudenti għall-ħajja u mhux jiffoka biss fuq livell akkademiku. Irridu ninkludu l-komunikazzjoni, kollaborazzjoni, ħsieb kreattiv u ħsieb kritiku f’kull aspett tas-sistema edukattiva. Apparti dan, għad hemm ħafna wkoll xi jsir fejn jidħol ir-rwol tal-mara fis-soċjetà.
Fir-rwoli tiegħi, passati u preżenti, fis-settur tal-volontarjat dejjem tajt importanza għall-kollaborazzjoni u l-empowerment tal-oħrajn. Jien nappoġġja l-gruppi vulnerabbli billi nenfasizza l-benessri mentali bħala l-pedament ta’ soċjetà u ekonomija b’saħħitha. Bl-involviment tiegħi f’organizzazzjoni fuq livell Ewropew f’dawn l-aħħar sittax-il sena, għaraft kemm hu importanti li ssemma’ leħnek għal pajjiżek u tinnegozja għal dak li huwa ta’ ġid għalina bħala nazzjon.
Kemm nistgħu nkunu effikaċi bħala deputati Maltin f’Parlament fejn aħna minoranza żgħira?
Is-sustanza ta’ idea li pajjiż li jaqsam ma’ oħrajn tista’ tkun aktar importanti mid-daqs tal-pajjiż innifsu. Tliet snin wara l-Indipendenza fl-1964, Malta, minkejja li kienet l-iżgħar membru tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), ipproponiet li r-riżorsi tal-oċeani lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-pajjiżi, għandhom jiġu ddikjarati bħala l-wirt komuni tal-umanità. Dan wassal għall-Konvenzjoni innovattiva tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar. Għal darb’oħra fl-1988 ġiet adottata unanimament il-proposta ta’ Malta fin-NU dwar il-Ħarsien tal-Klima Globali għall-Ġenerazzjonijiet Preżenti u Futuri tal-Umanità. L-inizjattiva ta’ Malta wasslet aktar tard għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u strumenti legali oħra bħall-Protokoll ta’ Kyoto tal-1997 u l-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015. Pajjiżi żgħar jista’ jkollhom aktar libertà minn pajjiżi akbar biex jieħdu ċerti inizjattivi. Jekk Malta kellha suċċess fin-NU m’hemmx raġuni għalfejn m’għandhiex tkun hekk ukoll fil-Parlament Ewropew. L-ideat huma importanti aktar mid-daqs. Barra minn hekk, nemmen li diġà ppruvajna kemm nistgħu nkunu effettivi bl-iżgħar nazzjon fl-UE, ikollu deputata tiegħu eletta bħala President tal-Parlament Ewropew.
Il-battalja elettorali hija bbażata fuq temi lokali. X’inhuma t-temi li għażilt int meta tkellem lin-nies?
Is-Saħħa u s-Saħħa Mentali huma żewġ oqsma ewlenin li ffukajt fuqhom f’din il-kampanja. Servizzi tas-saħħa mentali aċċessibbli u d-destigmatizzazzjoni tal-mard mentali huma essenzjali għall-benesseri tagħna. Għandna bżonn infrastruttura u politiki tal-kura tas-saħħa mtejba li jagħtu prijorità lis-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini kollha. Is-saħħa mentali trid tkun prijorità għax huwa ċar kemm il-problema kibret f’pajjiżna.
L-edukazzjoni hija qasam ieħor li ilni niddiskuti. L-investiment f’edukazzjoni ta’ kwalità għall-etajiet kollha, it-trawwim ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, u l-preparazzjoni taż-żgħażagħ tagħna għall-isfidi ta’ għada huma elementi li ddiskutejt f’okkażjonijiet diversi.
Barra minn hekk iddiskutejt il-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja attivi, l-appoġġ ta’ inizjattivi sportivi lokali, u l-għoti ta’ opportunitajiet għal kulħadd biex jipparteċipa f’attivitajiet fiżiċi, li din hija marbuta wkoll ma’ titjib fit-toroq tagħna.
Għawdex hija gżira bi sfidi differenti minn ta’ Malta. Waħda minnhom hi l-problema tal-konnettività. Għandna bżonn flotta vapuri, li tinkludi r-raba’ vapur, li verament tagħti s-servizz li jixirqilhom lill-Għawdxin.
Irridu wkoll niċċelebraw il-wirt kulturali għani tagħna, nappoġġjaw l-artisti u l-avvenimenti kulturali, inżommu l-identità unika tagħna u nipproteġu l-valuri tradizzjonali tagħna filwaqt li nħaddnu d-diversità u l-inklussività fis-soċjetà tagħna li kienu wkoll fuq l-aġenda tiegħi.
Id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni huma affarijiet li sfortunatament qed jerġgħu jiġu mhedda u allura huwa dover tagħna li nipproteġuhom u ma nħalluhomx jitkissru. Ta’ qabilna ħadmu u ssieltu biex nakkwistawhom u ma nistgħux nittolleraw li dawn jiġu mhedda.
Tkellimt ukoll fuq l-ambjent, il-ħarsien tiegħu, bdiewa u raħħala, kif ukoll l-importanza tal-empowerment tal-mara biex ikollha rwol iktar attiv u mistħoqq fis-soċjetà.
Hemm numru ta’ nies li qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Għalfejn taħseb li għandhom jivvutaw?
Sfortunatament hemm numru ta’ nies li qed jgħidu li mhux se jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom. Fatturi bħall-apatija u l-aljenazzjoni jistgħu jkunu fatturi. Xi individwi sempliċement mhumiex interessati fil-politika u ma jħossuhomx motivati biex jivvutaw. Oħrajn jista’ jkun qed iħossuhom skonnettjati mis-sistema politika jew sfiduċjati fis-sistema politika u jħossu li l-votazzjoni hija għalxejn jew li l-vot tagħhom mhux se jagħmel differenza. Skandli ta’ korruzzjoni, wegħdiet miksura, u sens ġenerali ta’ diżonestà fost il-politiċi wasslu għaċ-ċiniżmu u t-twemmin li l-vot mhux se jġib bidla sinifikanti. U proprju minħabba dawn ir-raġunijiet kulħadd għandu joħroġ jivvota. It-tama tagħna m’għandiex tmut. Irridu nemmnu li jista’ jkollna Malta aħjar, li jkollna politiċi li jaħdmu għall-poplu u mhux politiċi li jisservew bil-poplu. Irridu nemmnu li jista’ jkollna ġustizzja. U dan kollu jista’ jseħħ jekk kulħadd jipprattika d-dritt demokratiku tiegħu u joħroġ jivvota għall-partit Nazzjonalista.
Hawn min ipoġġi l-partiti fl-istess keffa. Għaliex?
Nies li jħossuhom traduti mill-partit li qattgħu ħajjithom jimmilitaw għalih se jweġġgħu ħafna u jitilfu l-fiduċja fil-politika. Ovvjament ikun diffiċli ħafna għalihom li jbiddlu l-partit wara tant snin u għalhekk huwa iktar facli għalihom u l-familji tagħhom li jgħollu l-partiti kollha fl-istess basket milli jibdlu l-lealtà. Emozzjonalment, dan jista’ jkun aktar fattibbli għalihom. Hemm oħrajn li jippreferu jaraw id-dinja bil-mod iswed u abjad, u mhux bil-kuluri differenti li l-ħajja hija magħmula minnhom. Jaslu għal konklużjonijiet malajr wisq u huma aktar influwenzati minn dikjarazzjonijiet wiesgħa milli dettalji li huma kruċjali għal deċiżjonijiet infurmati.
L-Ewropa f’dawn iż-żminijiet tfisser aktar minn qatt qabel. Għaliex?
L-Ewropa twieldet mid-diżastru tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-viżjoni tal-fundaturi tal-UE kienet li l-qsim tar-riżorsi ekonomiċi li jibdew mill-faħam u l-azzar, ir-riżorsi meħtieġa biex issir il-gwerra dak iż-żmien, jagħmilha impossibbli għall-Ġermanja u Franza li jerġgħu jmorru għall-gwerra. Minn dak iż-żmien ’il quddiem l-Istati Membri tal-UE raw perjodu ta’ paċi u prosperità bla preċedent. Bl-invażjoni imperjalista tar-Russja u l-atroċitajiet fl-Ukrajna, dan kollu issa jinsab fil-periklu. In-nies iridu jmorru lura għall-kotba tal-istorja tagħhom u jirrealizzaw li l-arloġġ huwa lura għas-snin tletin meta tiranni u dittaturi, jekk ikkundannati, ikunu mħeġġa jmexxu ’l quddiem il-pjanijiet megalomaniaċi tagħhom li m’għandhomx post fl-Ewropa tal-lum.