Għalfejn il-kandidatura tiegħek għall-Parlament Ewropew?
Nemmen li wara li qattajt tmien snin naħdem qrib l-istituzzjonijiet Ewropej u tgħallimt kif taħdem is-sistema, nixtieq nara li l-interess nazzjonali ma jkunx imnaqqar aktar. Apparti minn hekk, il-prijorità ta’ paċi fl-Unjoni Ewropea li twieldet għalih għandna nħarsuh bħalma għandna nħarsu n-newtralità ta’ pajjiżna. Li tkun favur il-paċi ma jfissirx li tkun favur xi aggressur. Ukoll, nixtieq nara tibdiliet fejn jidħlu l-kwistjonijiet tal-bdiewa u niffavurixxu aktar is-swieq Ewropej. Nemmen li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel ħafna aktar fil-kwistjoni tas-saħħa mentali u l-flessibilità fuq il-post tax-xogħol. Nidejt manifest bl-isem, Ninvestu f’Malta Tagħna, għax irrid nara li ħafna mix-xogħol li hemm ta’ kwalità ngħinu nġibuh lokalment.
Kemm nistgħu nkunu effikaċi bħala deputati Maltin f’Parlament fejn aħna minoranza żgħira?
Ma jfissirx li għax l-iżgħar rappreżentanza ma nistgħux inkunu effikaċi. Meta kelli l-opportunità li naħdem ukoll Brussell, waqt il-Presidenza ta’ Malta għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-delegazzjoni kienet waħda ċkejkna. Però fuq livell tekniku lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma laħħqet magħna, tant li rnexxieli ninnegozja r-regolament finanzjarju tal-baġit tal-Unjoni Ewropea f’erba’ xhur, xi ħaġa li anke l-Kummissarju tal-Baġit ta’ dak iż-żmien Oettinger kien impressjonat biha. Naħseb li rridu nikkoperaw flimkien sabiex inħarsu lil Malta tagħna.
Il-battalja elettorali hija bbażata fuq temi lokali. X’inhuma t-temi li għażilt int meta tkellem lin-nies?
Iva, ħafna nies jinteressahom mil-lokal. Qisu l-Unjoni Ewropea qiegħda ’l bogħod għalihom. Fil-fatt mhix għax taffettwa l-ħajja ta’ kif ngħixu. In-nies kienu inkwetati fuq l-għoli tal-ħajja qabel ma ddaħħlet l-iskema stabbilità u l-pressjoni tal-akkomodazzjoni soċjali. Infatti, ħafna nies fuq hekk ikellmuni u kien għalhekk li ħriġt b’manifest li ssib 20 proposta fih. Waħda mill-proposti tiegħi li l-akkomodazzjoni affordabbli. Ipproponejt mudell finanzjarju li jista’ jkun esplorat mal-fondazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, fejn bil-baġit tal-Unjoni Ewropea nibnu akkomodazzjoni affordabbli billi nużaw garanziji ħalli s-self ikun irħas u noħorġu bi prezz anqas mis-suq għaż-żgħażagħ tagħna u nies li jsibu diffikultà jekk jisseparaw jew jinqalgħulhom problema oħra matul ħajjithom.
Hemm numru ta’ nies li qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Għalfejn taħseb li għandhom jivvutaw?
It-8 ta’ Ġunju jiġi u jgħaddi. Tivvutax jew le, il-Membri Parlamentari Ewropej se jkunu eletti. Id-differenza se tkun li t-8 ta’ Ġunju hu jum ferm importanti għall-Unjoni Ewropea u ’l fejn trid timxi. Irridu nagħżlu bejn Ewropa soċjali u kandidati t’esperjenza li jistgħu jwaqqfulhom ħsibijiet li jmorru lil hinn minn dak li twieldet għalih l-UE li hu l-paċi, jew kandidati oħra li qajla jkollhom il-grinta ħlief li jagħmlu ħsara lil Malta sempliċement għax hemm Gvern Laburista. Li nwiegħed hu li jekk inkun elett, se niddefendi lin-nies u l-interess nazzjonali, inkluż is-sussidji tad-dawl u l-ilma u fuel, xi ħaġa li diġà qed iberraq fuqhom. Għalhekk, nemmen li n-nies għandhom jieħdu din l-elezzjoni bis-serjetà vera. Issa jekk tgħaddi l-elezzjoni u jiddispjaċina għax ma vvutajniex, ikun tard wisq. L-għażla hi f’idejn il-poplu.
Hawn min ipoġġi l-partiti fl-istess keffa. Għaliex?
Meta tara kif jaħseb l-elettorat, iva hemm min jemmen li m’hemmx għażla bejn partit u ieħor. Però dejjem ikun hemm kandidati validi u għalhekk m’għandhomx iħarsu lejn l-ideoloġiji biss imma x’jistgħu jġibu lejn Malta kandidati li għandhom l-esperjenza. Li hu żgur li l-Parti Laburista ta ħafna lin-nies, għall-kuntrarju tal-gvernijiet tal-Partit Nazzjonalista, speċjalment l-aħħar ħames snin ta’ GonziPN fejn iż-żidiet kienu 5 bozoz. In-nies u oħrajn insew kif kienu jgħixu. Għandna d-diffikultajiet tagħna. Imma qegħdin ferm aħjar minn pajjiżi li jinsabu f’riċessjoni.
L-Ewropa f’dawn iż-żminijiet tfisser aktar minn qatt qabel. Għaliex?
Iva, imma l-Unoni Ewropea ta’ paċi li twieldet għaliha tfisser aktar. Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea ma dħalniex biex niġġieldu l-gwerer ta’ ħaddieħor. Sfortunatament is-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Unjoni Ewropea hi ta’ morsa li daħħluna fiha żewġ persuni prużuntużi ħafna, inkluż il-President tal-Parlament Ewropew. Suppost żammew Ewropea ta’ paċi. B’dispjaċir ngħid li ħarbtu Ewropa. Għandi dokument important x’nixtieq nuri lill-President tal-Parlament Ewropew meta xi darba nkunu f’dibattitu. Għalissa se nżommu fuq l-ixkaffa.