Għalfejn il-kandidatura tiegħek għall-Parlament Ewropew?
Pajjiżna għandu bżonn min jaqbeż għal dawk il-valuri li għandhom isawruna bħala nazzjon. Il-politika għandha taqbeż għad-dritt taċ-ċittadin li jgħix f’ambjent san għal kulħadd. Il-Maltin u l-Għawdxin m’għandhomx jgħixu l-ħin kollu fil-biża’ li l-ambjent naturali, kulturali u soċjali se jiġi meqrud għall-bwiet ta’ erba’ bullies. Il-politika għandha taħdem għal soċjetà ġusta fejn int tagħmel suċċess bil-ħila tiegħek mhux skont lil min taf. Il-ħidma politika għandha tistinka biex ikollna pajjiż sabiħ li jilqa’ lit-tfal u ż-żgħażagħ u mhux jimbuttahom biex imorru jgħixu barra. Jien dejjem ippruvajt ngħix u naħdem favur dawn il-valuri pożittivi. Nemmen li fil-Parlament Ewropew nista’ nkun vuċi ta’ tama li dawn il-valuri pożittivi ħa jirbħu f’pajjiżna wkoll.
Kemm nistgħu nkunu effikaċi bħala deputati Maltin f’Parlament fejn aħna minoranza żgħira?
L-esperjenza turini li jekk taħdem bis-serjetà, b’sens ta’ djalogu miftuħ, filwaqt li tibqa’ konsistenti mal-prinċipji tiegħek, tista’ tibni alleanzi ma’ deputati oħra mill-Ewropa kollha u tħalli impatt. Jien għamilt numru ta’ snin Segretarju Ġenerali tal-Partit tal-Greens fl-Ewropa. Hemmhekk naħseb li rnexxieli nikkonvinċi u nwassal leħni, anki favur issues li jaffettwaw lil pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tagħna. Hemm stejjer oħra ta’ Maltin li ħallew impatt. Roberta Metsola laħqet l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew. Deputati oħra influwenzaw u ġabu bidliet f’liġijiet importanti tal-Parlament Ewropew. L-attitudni miftuħa għall-kulħadd u li tipprova tibni pontijiet bejn ideat differenti hija kruċjali. Nemmen li din hija xi ħaġa li dejjem ippruvajt nagħmel matul il-karriera tiegħi u li nkompli nagħmel jekk niġi elett.
Il-battalja elettorali hija bbażata fuq temi lokali. X’inhuma t-temi li għażilt int meta tkellem lin-nies?
Flimkien ma’ numru sabiħ ta’ voluntiera li qed jgħinuni, qed ngħidu li issa ċ-ċans li nagħtu messaġġ qawwi lis-sistema politika li ġabitna fis-sitwazzjoni fejn qegħdin illum. Fejn qisu l-pajjiż irrassenja ruħu li l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter saru kważi ħaġa normali. Fejn il-qerda tal-ftit ambjent naturali li għad fadal saret ħaġa ta’ kuljum. Fejn id-drittijiet taċ-ċittadin li jgħix bi kwietu f’daru qed jiġi mhedded mill-kostruzzjoni selvaġġa u bla rażan li ħakmet lil pajjiżna. Fejn qed jiżdiedu n-numru ta’ nies li qed jgħixu fil-faqar. Jien u sħabi ma nemmnux li l-pajjiż huwa rassenjat għal dan. Anzi nemmu li l-pajjiż qed jgħajjat biex jagħti messaġġ li Malta u Għawdex jistgħu jikbru u jiżviluppaw mod ieħor. Nemmnu f’pajjiż li jirrispetta d-drittijiet tan-nies. Li jippremja l-bżulija. Li jwieżen lil min għandu bżonn l-għajnuna b’mod ġenwin. Li jħares il-ġid komuni u l-ambjent. Nemmnu li t-8 ta’ Ġunju huwa ċ-ċans uniku biex nagħtu dan il-messaġġ pożittiv ta’ tama għal pajjiżna.
Hemm numru ta’ nies li qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Għalfejn taħseb li għandhom jivvutaw?
F’demokrazija, il-vot huwa l-iktar mod b’saħħtu biex issemma’ leħnek. Fl-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju għandek iċ-ċans li tagħżel l-iktar sitta min-nies li taħseb li jkunu l-aħjar biex jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew. Tkun ħasra jekk ma tużax dan iċ-ċans sabiex tagħżel lil xi ħadd li huwa l-iktar viċin il-valuri tiegħek. Xi ħadd li huwa ċar f’liema direzzjoni jemmen li pajjiżna għandu jmur. Minkejja li l-aġir ta’ ċerti politikanti u d-direzzjoni li taw lill-pajjiż jistgħu jaqtgħulek qalbek, hawn ħafna nies li jridu pajjiż aħjar, isbaħ u iktar modern. Jekk ma tivvutax, l-affarijiet żgur mhux se jinbidlu. Jekk int tivvota ma’ eluf t’oħrajn li jridu bidla, din il-bidla tista’ ssir realtà. Issa ċ-ċans għal din il-bidla.
Hawn min ipoġġi l-partiti fl-istess keffa. Għaliex?
Minkejja li huwa fatt li ż-żewġ partiti għamlu ġid lil pajjiżna matul is-snin, is-sistema politika tagħna qed tikkundanna liż-żewġ partiti li jirrepetu l-istess żbalji, amministrazzjoni wara oħra. Huwa veru li l-fawls ta’ partit kultant ikunu ikbar minn ta’ ieħor, imma l-pattern tal-fawls huwa simili: abbuż ta’ poter, korruzzjoni, qerda tal-ambjent, tgħaffiġ fuq iċ-ċittadin iż-żgħir filwaqt li jiġi faċilitat il-bully b’saħħtu.
Is-sistema politika tagħna, fejn il-partit fil-gvern jirbaħ kollox, tagħti lok li dan il-partit, ikun min ikun, jisker fil-poter u jirrepeti l-istess żbalji ta’ qablu. Għal din ir-raġuni għandna bżonn iktar minn żewġ vuċijiet fis-sistema politika tagħna. Sabiex nitgħallmu dak li huwa normali f’demokraziji oħrajn, id-djalogu u d-diskussjoni huma importanti biex nippruvaw insolvu l-problemi billi nieħdu l-ideat it-tajbin irrispettivament minn min jagħmilhom. Issa għandna ċ-ċans li nibdew inbiddlu s-sistema politika billi neleġġu deputat tal-Parlament Ewropew li mhuwiex miż-żewġ partiti l-kbar u b’hekk Malta tkompli tikber sabiex issir demokrazija moderna.
L-Ewropa f’dawn iż-żminijiet tfisser aktar minn qatt qabel. Għaliex?
L-Ewropa tfisser valuri importanti li huma l-oppost ta’ dak li sfortunatament qed naraw f’ħafna postijiet fid-dinja: paċi, solidarjetà, ħidma favur l-ambjent, mixja lejn ekonomija moderna u sostenibbli, drittijiet imħarsa għaċ-ċittadini kollha, u livell ta’ għejxien aħjar għal kulħadd. L-Unjoni Ewropea mhijiex perfetta imma hija garanzija li l-Ewropa tibqa’ timxi fid-direzzjoni ta’ dawn il-valuri importanti. L-Unjoni Ewropea hija wkoll blokk b’saħħitha u importanti fid-dinja. Li tippromovi dawn il-valuri meta blokok oħra kbar u b’saħħithom mhux dejjem jagħmlu hekk huwa rwol importanti ħafna fid-dinja mqallba tal-lum.