Għalfejn il-kandidatura tiegħek għall-Parlament Ewropew?
L-esperjenza li diġà għandi bħala Membru tal-Parlament Ewropew, l-imħabba u l-attiviżmu fil-qasam soċjali kienu dawk li waslu biex il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ ħafna persuni oħra jħeġġuni nikkontesta.
L-għażla tiegħi li nwieġeb għal din is-sejħa u ngħid iva kienet imnebbħa mill-fatt li naf li l-politika hija għodda qawwija biex iġġib il-bidla fil-ħajja tan-nies. Għalija dan mhux diskors, dawn fatti.
Nista’ nagħti diversi eżempji imma l-iktar wieħed li jmissli qalbi hu l-bidla li ġibna bir-riformi tal-IVF.
Kemm nemozzjona ruħi meta niltaqa’ ma’ ġenituri li jgħiduli dawn l-ulied frott l-attiviżmu tagħkom għar-riformi. Insemmih dan bħala eżempju ta’ x’differenza tagħmel il-politika. Għax iva, il-politika hija idea sabiħa.
U jien dieħla għal dawn l-elezzjonijiet biex nibqa’ nġib dik id-differenza fil-ħajja tan-nies. Il-kampanja tiegħi dawwartha mal-ħtiġijiet tan-nies, il-ħidma tiegħi se tibqa’ ddur mal-bżonnijiet tan-nies.
Kemm nistgħu nkunu effikaċi bħala deputati Maltin f’Parlament fejn aħna minoranza żgħira?
Għandna tradizzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew Maltin li ġabu kisbiet importanti għal Malta u l-ħames snin li ġejjin m’għandhomx għax ikunu eċċezzjoni.
L-importanti li niġbdu l-ħabel ta’ pajjiżna jekk irridu nġibu r-riżultati.
L-agħar ħaġa li jista’ jkollna hi Membri tal-Parlament Ewropew jaħdmu kontra pajjiżna u jxewxu u jfasslu riżoluzzjonijiet kontra Malta, kif għamlu l-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista tul l-aħħar snin.
Sakemm ikollna MEPs li jġibu l-interessi ta’ Malta l-ewwel, allura, iva, nistgħu nkunu effikaċi u b’saħħitna favur iċ-ċittadini Għawdxin u Maltin.
Il-battalja elettorali hija bbażata fuq temi lokali. X’inhuma t-temi li għażilt int meta tkellem lin-nies?
Il-battalja elettorali ħadet żewġ dimensjonijiet.
Fuq naħa Partit Laburista li tkellem dwar il-futur ta’ pajjiżna, dak li jrid mill-Kunsilli Lokali, u dak li jrid mill-Ewropa, u fuq naħa oħra l-Partit Nazzjonalista li l-uniku manifest tiegħu kienet inkjesta maġisterjali li beda biha u kompla biha sal-aħħar.
In-nies għandhom jistaqsu: ladarba tgħaddi din l-elezzjoni b’din l-inkjesta maġisterjali u bid-diskors kollu dwarha kif se jtejbilhom ħajjithom il-Partit Nazzjonalista? Baħħ assolut.
Jien tkellimt dwar il-qasam soċjali, il-pensjonijiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom nies f’oqsma differenti. Tkellimt u rrid nitkellem iktar dwar ġenituri ta’ tfal b’diffikultajiet fit-tagħlim, dwar dawk li għandhom diffikultà fir-relazzjoni tagħhom mal-ikel, u rrid nitkellem u nuża l-politika biex inġib iktar riżultati fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa fost oħrajn għax għandi għal qalbi lit-tfal, lill-marid u kull min jeħtieġ l-għajnuna.
Hemm numru ta’ nies li qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Għalfejn taħseb li għandhom jivvutaw?
Irridu nisimgħuhom u rridu nifhmuhom. Però nemmen li għandhom jivvotaw għax għandhom ikunu parti mid-deċiżjonijiet li jolqtu lilhom u l-familji tagħhom. U l-Partit Laburista kien l-uniku partit li daħal għal dawn l-elezzjonijiet bi pjan ċar.