F’laqgħa straordinarja nhar it-Tlieta, il-Parlament Ewropew laqa’ lill-President Ukren Volodymyr Zelenskyy biex ifakkar 1000 ġurnata minn mindu bdiet l-invażjoni Russa fuq skala kbira.
Fil-ftuħ tas-seduta, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament se jibqa’ mal-Ukrajna sakemm “ikollha l-libertà u l-paċi vera, għal kemm iddum tieħu.”
Metsola kkundannat l-invażjoni bħala “att brutali, mhux ipprovokat u illegali” mhux biss fuq l-Ukrajna imma wkoll fuq l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. Hija żiedet tgħid li s-sagrifiċċji tal-poplu Ukren f’dawn l-aħħar 1000 ġurnata mhumiex biss għall-libertà tagħhom iżda wkoll għall-mod kif jgħix kull Ewropew. “Kull paċi vera trid tinbena fuq il-prinċipju ta’ ‘xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna,’” qalet Metsola fl-għeluq tad-diskors tagħha.
Zelenskyy: 'Nistgħu nimbuttaw lir-Russja lejn paċi ġusta'
Fid-diskors tiegħu, il-President Zelenskyy radd ħajr lill-Unjoni Ewropea għall-appoġġ kontinwu tagħha. Huwa qal li l-Ukrajna, flimkien mal-Ewropa kollha u s-sħab fl-Amerika kif ukoll madwar id-dinja, irnexxielhom mhux biss “iwasslu lill-Putin biex jonqos milli jaħtaf l-Ukrajna” iżda wkoll jiddefendu l-libertà tan-nazzjonijiet Ewropej kollha.
“Putin jibqa’ iżgħar mill-qawwa magħquda tal-Ewropa,” sostna Zelenskyy. “Nitolbokom biex ma tinsux kemm l-Ewropa hija kapaċi tikseb. Nistgħu nimbuttaw lir-Russja lejn paċi ġusta. Il-paċi hija dak li l-aktar nixtiequ.”
Huwa semma wkoll l-importanza tal-“Formula għall-Paċi” proposta mill-Ukrajna u insista li l-gwerra tar-Russja trid tiġi indirizzata b’sanzjonijiet iebsa, partikolarment kontra t-‘tankers’ sigrieti li jġorru ż-żejt Russu. “Putin jista’ joqtol sakemm dawn it-tankers jibqgħu jaħdmu,” qal Zelenskyy, filwaqt li kompla jispjega li l-President Russu jagħti valur biss għall-flus u l-poter. “Dawn huma l-affarijiet li rridu nneħħulu biex inġibu lura l-paċi.”
Huwa temm b’appell ċar: “Ħadd ma jista’ jgawdi l-kwiet f’nofs il-maltemp. Irridu nagħmlu dak kollu possibbli biex intemm din il-gwerra b’mod ġust u ġenwin. 1000 ġurnata ta’ gwerra hija sfida enormi. Irridu niżguraw li s-sena li ġejja tkun is-sena tal-paċi.”
Appoġġ qawwi mill-gruppi politiċi Ewropej
Matul is-seduta, ħafna mexxejja tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew ikkonfermaw l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-Ukrajna. Huma appellaw biex l-Unjoni Ewropea tkompli tagħti l-għajnuna meħtieġa lill-Ukrajna biex tirbaħ il-gwerra, inkluż provvista ta’ armi bħal sistemi ta’ difiża mill-ajru, missili fit-tul, tankijiet u drones.
Fl-isfond tal-elezzjonijiet reċenti fl-Istati Uniti, l-MEPs saħqu fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tibqa’ magħquda u tieħu aktar responsabbiltà. Dan filwaqt li tkompli tipprovdi għajnuna finanzjarja u umanitarja lill-Ukrajna. Barra minn hekk, il-mexxejja reġgħu affermaw l-appoġġ tagħhom għall-aspirazzjonijiet tal-Ukrajna li ssir membru tal-UE u tan-NATO, kif ukoll għall-ħolqien ta’ pilastru Ewropew għad-difiża vera.
Fl-għeluq tas-seduta, il-President Metsola ħabbret li l-bandiera tal-Ukrajna se titla’ ħdejn dik tal-UE fil-bini tal-Parlament fi Brussell, Strasburgu u Lussemburgu.